PD: 'Joseph Muscat u Adrian Delia għandhom jirreżenjaw minnufih'

il-PD jerġa jinsisti għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija u jinsisti li għandha tidħol fis-seġħħ il-Liġi tal-iStandards

Adrian Delia u Joseph Muscat
Adrian Delia u Joseph Muscat

Fi stqarrija iktar kmieni llum il-Partit Denokratiku sostna illi kemm il-Prim Ministru Joseph Muscat, kif ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia għandhom jirreżenjaw minnufih. Dan il-PD qed jgħidu fid-dawl tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u fid-dawl ukoll ta’ numru ta’ proposti li l-istess partit qed jagħmel.

Il-PD qed jinsisti li l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Awditur Ġenerali għandhom jirreżenjaw u jinħatru oħrajn flokhom b’approvazzjoni taż-żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Il-PD qed jinsisti wkoll li tidħol fis-seħħ il-Liġi tal-Istandards u jinħatar Kummissarju li jieħu ħsieb jara li jinżammu l-istess standards fil-ħajja pubblika. Il-PD qed jitlob ukoll li tissejjaħ il-Konvenzjoni dwar ir-Riforma Kostituzzjonali.

Il-partit sostna li bil-qtil tal-ġurnalista Caruana Galizia d-demokrazija f’pajjiżna ġiet mhedda u ddgħajfet.

“Il-Partit Demokratiku hu tal-fehma li dan hu qtil politiku għax l-klima politika hi waħda li ppermettiet nuqqas ta’ governanza tajba, skandli ta’ korruzzjoni, in-nuqqas tas-saltna tad-dritt, l-iżmantelltar tal-istituzzjonijiet, l-ippremarjar fil-beraħ ta’ min jagħmel il-ħażen, il-kultura ta’ impunità u n-nuqqas ta’ protezzjoni mill-istat. Din ir-responsabbilità politika għandu jġorrha l-Prim Ministru,” tgħid l-istqarrija tal-PD.

 

More in Politika