Analiżi | Jissolva jew le? Xenarji differenti. Riperkussjonijiet differenti.
Kważi ġimagħtejn wara l-qtil ta’ DCG l-ILLUM tagħti ħarsa lejn xenarji differenti u x’jistgħu jkunu r-riperkussjonijiet politiċi li jiffaċċjaw Muscat, Delia, il-Kummissarju u pajjiżna
minn Albert Gauci Cunningham
Induru kemm induru magħha, id-diskussjoni dwar dak li ġara l-ġimgħa l-oħra, jiġifieri l-qtil ta’ ġurnalista se jkollu riperkussjonijiet politiċi. Uħud bdew diġà u qed narawhom iseħħu quddiemna, oħrajn għad iridu jirriżultaw maż-żmien.
L-għan ta’ din l-analiżi mhux li tippolitiċizza l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Mhux li ddaħħal din it-traġedja fid-dinja tal-partiġġjaniżmu. Imma billi toħloq il-kuntest politiku jaħraq illi fih seħħ dan l-attakk. U minħabba li Caruana Galizia kienet persuna intrinsikament politika, wieħed allura ma jistax jaqta’ l-karozza bomba li qatlitha mill-fatti, ir-realtajiet u kospiraziji politiċi li jdawru ċ-ċirkostanzi preżenti, f’dan il-pajjiż partikolari.
L-ILLUM għalhekk tat ħarsa u analizzat xenarji differenti ta’ riperkussjonijiet politiċi li se jkollu dan il-qtil, fuq tlieta minn nies u ‘istituzzjonijiet’. Il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kap tal-PN Adrian Delia u l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.
Muscat; ‘Under his watch’
Fatt innegabbli, li ma jistax jinbidel u ma jistax ikun analizzat mill-ebda angolu ieħor huwa iż-żmien. Dan l-attakk seħħ meta kien Prim Ministru Joseph Muscat u allura dan jista’ jeħodha bħala sfortuna kbira u kerha fil-konfront tal-immaġini politika tiegħu. Anke jekk hemm min jirraġuna li mhix sfortuna, imma riżultat ta’ dak li jaraw bħala t-tmermir tal-istituzzjonijiet.
Il-posterità hija kunsiderazzjoni importanti għal politiku. U allura x’se jħalli warajh politiku meta jtemm il-karriera hija parti mill-kalkoli li jagħmel. Il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia se jkun kapitlu fl-istorja ta’ Gvern Laburista, mhux sempliċiment addendum fl-aħħar tal-ktieb u allura Muscat għandu kull interess mhux biss bħala Kap tal-Gvern, iżda wkoll bħala politiku li jara illi dan il-kapitlu jkollu tmiem. Tmiem ċar u preferibbilment inekwivoku.
Meta waqt Dissett, dakinhar li nqatlet Daphne Caruana Galizia, Muscat qal li ħadd daqsu (ħlief il-familja) ma jrid li jissolva l-każ, ma kienx qed jeseġera.
Fil-fatt ir-riperkussjonijiet jekk il-każ ma jkunx solvut, huma koroh.
Mhux solvut, il-każ jibqa’ bħax-xabla ta’ Damokles fuq ras Muscat
L-agħar xenarju għall-pajjiż u, politikament, għal Muscat huwa li l-każ jibqa’ mhux solvut. Ħażin għaliex dan il-qtil, l-ewwel tat-tip tiegħu u li għamel ħafna ħsara lil isem pajjiżna, jekk jibqa’ mhux solvut se jibqa’ jeżisti fid-dinja tal-konspiraziji.
Huwa fatt magħruf li Caruana Galizia kienet kritika ħarxa ħafna, mhux biss ta’ Muscat imma ta’ dak kollu li huwa Laburist u ta’ dak kollu li b’xi mod miss mal-Partit Laburista. Huwa fatt ukoll li wħud mill-istejjer li ppubblikat Caruana Galizia, primarjament dik dwar il-Panama Papers, heżżu lill-Gvern mill-fundament u rristrinġuh fil-libertà li jiggverna sal-aħħar tal-ewwel leġiżlatura. Tajjeb jew ħażin, parti mis-suspett inizzjali waqa’ fuq persuni mill-Gvern li jmexxi, jew fuq il-Gvern li jmexxi kollu kemm hu. Anke jekk kompletament infondati, suspetti kien hemm. Dan huwa politikament ħażin ħafna għal Muscat u l-Gvern li jrid jibqa’ jmexxi għall-erba’ snin li ġejjin. Jekk il-każ ma jkunx solvut, min irid jippunta subgħajh lejn il-Gvern preżenti, kif ġara diġà mill-familja Caruana Galizia stess, se jibqa’ jkollu ċerta libertà morali li jagħmel dan.
Jekk mhux solvut il-ħsara li dan il-qtil jista’ jagħmel lill-immaġini tal-Gvern preżenti, lokalment u internazzjonalment, se tkompli tiggrava. Dan probabilment iwassal biex il-pjanijiet ta’ Muscat li jokkupa karigi prestiġjużi fuq nett tal-istruttura Ewropea jmorru dirett fil-friża u l-kisbiet kollha li jkun għamel dan il-Gvern jaqgħu taħt sħaba ta’ dubji serji, dubji li naturalment l-oppożizzjoni tkompli trewwaħ favuriha.
Dan ix-xenarju huwa wieħed pjuttost miżerabbli għall-PL, imma aktar minn hekk għal Muscat u l-persuna politika tiegħu.
Solvut, jibda jingħalaq kaptilu
Kif ktibt diġà. Muscat irid ‘closure’ tal-każ. Sens ta’ kapitlu magħluq. Jekk solvut, u jekk il-każ jippunta f’direzzjoni lil hinn mill-Gvern, apparti li tkun saret jew bdiet issir ġustizzja, tkun ukoll mirduma l-għajta inizzjali ta’ Adrian Delia li dan kien qtil politiku.
Fil-midja Taljana u anke f’dik lokali hemm xnigħat u qed jiġru stejjer li Caruana Galizia kienet qed tikteb blogg dwar racket ta’ kriminalità li jirrigwarda żejt bil-kuntrabandu. Jekk s-swaba’ jibdew jippuntaw lejn din id-direzzjoni jkun hemm żewġ effetti. Politikament ikun hemm ċaqliqa, minn qtil fuq ħoġor l-awtoritajiet responsabbli għas-sigurtà, għal bżonn ta’ ħidma serja biex tkun indirizzata problema reali li teżisti madwarna u li tikkonċerna rackets serji. It-tieni effett huwa li jinħoloq ċertu sens ta’ għeluq ta’ kapitlu. Muscat ikun jista’ jneħħi minn fuqu kull forma ta’ suspett, akkuża, dubju jew konspirazija li jtaqqluh u jkompli għaddej bl-aġenda governattiva.
Naturalment jibqgħu mistoqsijiet leġittimi dwar jekk il-Gvern għamilx biżżejjed u wettaqx biżżejjed biex jikkumbatti ċerta tip ta’ traffikar u kriminalità, imma dwar il-qtil innifsu jkun hemm konklużjoni.
Iktar kemm il-qtil ikun ’il bogħod u lil hinn mill-politika, anqas ikunu r-riperkussjonijiet politiċi.
Delia: Iddur fejn iddur se joħroġ id-demm
Minkejja r-riperkussjonijiet li jista’ jkollu dan il-każ fuq il-Gvern, il-qtil ta’ Caruana Galizia seħħ fi żmien sfortunat ħafna għall-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Minkejja li l-akkużi li saru fil-konfront tiegħu ma tantx issemmew fil-midja internazzjonali, Caruana Galizia ippublikat allegazzjonijiet gravi fil-konfront ta’ Delia. Akkużatu li kellu kont f’Jersey, xi ħaġa li hu qatt dejjem ċaħad u agħar minn hekk allegat li dan il-kont kienu qed jgħaddi minnu qligħ minn prostituzzjoni li għaddejja f’Londra. Dan apparti li Caruana Galizia ta’ sikwit poġġiet l-integrità ta’ wħud min-nies madwar Delia fid-dubju, akkużat lil wħud minn dawk madwar Delia li kienu jmexxu briedel u li kienu jmexxu ċrieki ta’ prostituzzjoni.
Dan kollu jpoġġi lil Delia taħt mhux ’il fuq mid-dell tas-suspett, anke jekk għal darb’oħra jista’ jkun suspett kompletament infondat. Il-Kap tal-PN mhuwiex ’il fuq mid-dubju u fil-verità jekk il-każ ma jkunx solvut il-każ jibqa’ mdendel fuq rasu wkoll. Għax jekk se jitqajmu suspetti fuq Gvern li Caruana Galizia dejjem fittxet li tqatta’ f’elf biċċa, se jitqajjem suspett ukoll fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni li Caruana Galizia għamlet prattikament kampanja qawwija waħedha kontrih.
Dan ifisser li r-riperkussjonijiet fuq Delia huma gravi wkoll. U f’somma politika ta’ dubji fuq iż-żewġ mexxejja politiċi, ir-rebbieħ eventwali probabilment ikun Muscat.
Il-ftira sħuna tajba...
Il-politika ma fihiex diplomazija u l-kalkoli li jsiru, jsiru fil-ħin propizju. Il-fatt li Delia ma setax ikun preżenti għad-dimostrazzjoni ta’ nhar il-Ħadd li għadda għax probabilment beża’ li se jkollu swaba’ ppuntati lejh minn numru ta’ persuni, jekk mhux mill-familja Caruana Galizia wkoll, xegħlet ħafna bozoz. Bosta fil-PN li ħadmu kontra Delia u li akkost ta’ kollox ma jriduhx imexxi lill-istess partit, minkejja kull riżultat li kiseb permezz tal-vot, ħadu l-opportunità. Il-ftira sħuna tajba...
Fil-fatt din il-ġimgħa u sakemm kien qed jinkiteb dan l-analiżi jidher illi x-xquq saru konsenturi u li hemm ribelljoni interna sħiħa b’uħud mid-Deputati Nazzjonalisti lesti biex jagħtu daqqa ta’ sieq ’il barra lil Delia. Fil-forma ta’ ġbir ta’ firem mid-Deputati, jekk tibqa’ għaddejja din l-‘inizjattiva’ apparti li hija bla preċedent, tista’ tkun l-ewwel żvilupp politiku drammatiku fil-kuntest tal-qtil ta’ Caruana Galizia.
Iddur kif iddur magħha dawn l-iżviluppi jistgħu litteralment iġibu lill-PN għarkopptejh. Jew Delia jċedi u jkollu l-aktar ħruġ inglorjuż ta’ kwalunkwe mexxej lokali. Jew inkella żżomm sod u timmaterjalizza t-theddida ta’ uffiċjal għoli tal-PN illi jittieħdu passi kontrihom u jitkeċċew mill-partit. F’liema każ jifforma t-tielet grupp politiku fil-Parlament.
Iddur kif iddur, jidher illi l-ewwel vittma politika fil-kuntest tal-qtil ta’ Caruana Galizia jista’ jkun Adrian Delia, li fir-realtà mhux qiegħed fl-aħjar pożizzjoni politika biex jiġġieled il-battalja ta’ Daphne Caruana Galizia.
Ir-riperkussjonijiet fuq il-PN, definittivament f’termini immedjati huma pjuttost miżerabbli. Anke jekk min qed idur għal Delia għandu intenzjonijiet tajbin, mossa politika bħal din tista’ tkun fatali għal partit.
Il-Kummissarju tal-Pulizija: L-investigazzjoni tħoll u torbot
Fil-lenti matul dawn l-aħħar jiem kien hemm il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar. Minkejja li fost bosta fil-Korp huwa rispettat, Cutajar huwa kollox imma mhux persuna tal-midja. Dan ifisser li għandu problema serja fil-mod kif jikkomunika mal-mezzi tax-xandir, bir-riżultat li ma jgħin xejn fil-messaġġ li jkun irid jgħaddi.
Ir-riperkussjonijiet fuq il-Kummissarju naturalment se jvarjaw. Caruana Galizia kienet kritika ħarxa tal-Kummissarju kif kien u għadu l-PN. Uħud mill-mumenti xejn glorjużi tal-Kummissarju preżenti jinkludu l-famuża ikla (fenkata) mal-ħbieb waqt li Caruana Galizia kienet għadha kif ippubblikat allegazzjoni serja ħafna illi mart il-PM kienet is-sid tal-kumpanija fil-Panama, Egrant u li ntuża bank f’Malta (Pilatus) biex allegatament għaddew $1 miljun fil-kont. Intefgħu wkoll dubji fuqu fir-rigward rapport tal-FIAU u kif il-Pulizija ddeċidiet li ma tipproċedix. Il-Kummissarju preżenti, biex tkompli tgħaxxaq, jiġi wara erba’ kummissarji oħrajn.
Il-bidliet li saru fit-tmexxija tal-Korp, tant bidliet fi żmien qasir apparti tliet bidliet fil-Ministru, ikkumplikaw aktar l-affarijiet . Filwaqt li lokalment u anke barra minn pajjiżna, kulħadd xegħel b’din it-traġedja, ħafna mill-membri tal-midja stennew li l-Pulizija titkellem u tinforma lill-midja dwar, pereżempju, x’ġara eżatt jew x’kienu l-ewwel indikazzjonijiet fil-Bidnija. Minflok, xejn għal tlitt ijiem. Fil-verità din hija prassi illi l-Pulizija jidher li qed timxi biha, kemm ilu Cutajar bħala Kummissarju. Imma l-midja għandha dritt tkun taf, jew għallinqas tkun taf il-bażiku ta’ każ daqstant sensittiv. Ma tistax tippretendi li żżomm lill-midja fid-dlam, imbagħad (sopra corne bastonata) tħares lejha bl-ikrah għax tagħmel xogħolha u tindaga.
L-akbar, jekk mhux l-unika, tama tal-Kummissarju li r-riħ idur favurih huwa li fil-fatt dan il-każ mill-aktar diffiċli jkun solvut. Jekk jiġri hekk, il-mistoqsijet dwar l-attitudni tiegħu lejn il-midja minkejja li jibqgħu rilevanti, isiru inqas sinifikanti jew għallinqas ikunu f’kuntest iktar ċar. Jekk ikun solvut dan il-każ, xi ħaġa li ħafna qed jaraw bħala diffiċli, tkun l-akbar bidla fil-fortuna għall-Korp tal-Pulizija u għall-Kummissarju li jmexxih.
Jekk le, bħal fil-każ ta’ Muscat u Delia, jibqgħu d-dubji u l-mistoqsijiet. U s-swaba’ jibqgħu ppuntati lejn il-Kummissarju bl-akkuża li ma kienx proattiv u kompetenti biżżejjed. Il-midja li magħha ma tantx bena pontijiet tiftaħ iktar il-kanuni fuqu u l-futur tiegħu fit-tmexxija tal-korp ikun serjament mċajpar.
L-immaġini ta’ pajjiżna; għall-magħmul ftit hemm kunsill
Każ solvut jew le, l-immaġini ta’ pajjiżna ħadet daqqa kerha. L-aħbar inxterdet mal-erbat irjieħ. BBC, CNN, Euronews, l-aħabarijiet Taljani. Insomma llum bil-Facebook u l-midja soċjali l-aħbar tiġri ħafna iktar malajr. Żmien li xi ħadd isiefer barra b’xi Malta Files ilu li ndifen.
Ir-riperkussjonijiet inħassu mill-ewwel, kienu instantanji. Minkejja l-gravità tal-każ tpinġiet stampa xejn pjaċevoli ta’ pajjiżna, fosthom ta’ pajjiż riesaq lejn dittatorjat fuq l-istess forma tal-Gvern Tork li jmexxi Erdogan. Bosta ħadu l-opportunità biex jaqbżu fuq bosta miżuri u/jew suċċessi li kiseb il-pajjiż f’ċerti oqsma, primarjament l-iskema tal-Passaport u l-movimenti ta’ flus lejn pajjiżna permezz tal-gaming. Dawn flimkien mas-sitwazzjoni tal-kriminalità madwarna taw ir-riħ fil-qala lil min ried isejjaħ lil Malta stat tal-mafja u lil min ilu biex jagħti l-aħħar daqqa lil setturi ekonomiċi ta’ pajjiżna.
Ir-riperkussjonijiet hawnhekk jistgħu jkunu gravi għax huma politiċi u ekonomiċi. Hawnhekk se jkollu jkun il-Gvern li jidħol b’qawwa biex jassigura lill-investituri li l-pajjiż għandu mhux biss sistemi legali u approvati imma wkoll li hemm, jew li se jkun hemm, sistemi rigorużi li jaċċertaw illi Malta ma tkunx ċentru minn fejn kriminali jaħslu flushom.
Fil-verità hawn jistgħu jkunu l-akbar riperkussjonijiet tal-qtil ta’ DCG. U hawn huwa fejn il-Gvern se jkollu jaħdem qatigħ, għax qed nitkellmu dwar postijiet tax-xogħol, dħul għall-pajjiż u isem Malta bħala post fejn tista’ tinvesti.
Għall-magħmul m’hemmx kunsill, għall-futur hemm ħafna xi jsir.