Malta kontra l-użu ta’ erbiċida li tista’ tikkawża l-kanċer

  • Miriam Dalli fost l-MEPs li jridu t-tisħiħ tas-sigurtà tan-nies minn din l-erbiċida
  • Il-Kummissjoni Ewropea tixtieq li l-glyphosate tibqa’ tintuża għal 10 snin oħra

Malta flimkien mal-pajjiżi oħra Ewropej fosthom l-Italja u Franza vvutaw kontra proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tiġġedded b’10 snin oħra l-liċenzja Ewropea għall-użu tal-erbiċida glyphosate.

Il-glyphosate hija waħda mill-erbiċida ewlenin madwar id-dinja u tammonta għal madwar 25% tas-suq. Din tintuża primarjament fl-agrikoltura iżda wkoll biex jinqered ħaxix li jitla’ fit-triq jew mal-bankini.

Il-pajjiżi kienu qed jipproponu tiġdid li jkun inqas u li jvarja minn 5 sa’ 7 snin. Il-votazzjoni tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea fuq it-tiġdid għall-użu tal-glyphosate issa ġie pospost għax-xahar id-dieħel u dan meta l-liċenzja Ewropea għal dan l-erbiċida tiskadi fil-15 ta’ Diċembru li ġej.

Fil-passat il-Kummissjoni kienet talbet tiġdid fl-użu tal-glyphosate għal 15-il sena li iżda tnaqqas għal 10 snin, wara li f’dan il-każ ukoll ma kienx hemm qbil.

Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea kienet kontrastanti għad-deċiżjoni meħuda mill-Parlament Ewropew. Dan għaliex il-Parlament irid ‘phasing-out’ tal-glyphosate tant li nhar it-Tlieta li għadda l-MEPs approvaw pjan, li ma jorbotx lill-pajjiżi membri, li din l-erbiċida ma tibqax tintuża fl-Ewropa sas-sena 2022.

Ironikament l-għada ta’ dan il-vot tal-MEPs, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet it-tiġdid. Ir-Renju Unit, li qed ifittex li ma jibqax membru tal-Unjoni Ewropea, huwa fost il-pajjiżi li flimkien ma’ Spanja qed jimbuttaw li l-użu tal-glyphosate jibqa’.

Kienu 335 l-MEPs li vvutaw favur il-waqfien tal-użu ta’ din l-erbiċida, filwaqt li kien hemm 204 kontra u 111 astensjoni.

Madwar l-Unjoni Ewropea d-dibattitu jinsab għaddej bejn il-bdiewa u l-ambjentalisti li tal-ewwel qed jgħidu li din l-erbiċida hija meħtieġa, filwaqt li tal-aħħar qed isostnu li l-glyphosate tikkawża l-kanċer.

Rapporti tad-WHO juru li l-din l-erbiċida tikkawża l-kanċer

Il-glyphosate ġiet introdotta fis-suq fl-1974 u fl-Ewropa tintuża biex jiġi kkontrollat ħaxix ieħor li jikber mal-pjanti taċ-ċereali fost l-oħrajn. Il-kontroversja qamet wara li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), irrikonoxxiet li l-glyphosate tikkaġuna l-kanċer iżda mhux l-istess min-naħa tal-Awtorità Ewropea tas-Sigurtà tal-Ikel (EFSA) u l-Aġenżija Ewropea tal-Kimika (ECHA).

Bosta studji juru li persuni li jaħdmu b’din l-erbiċida spiċċaw f’riskju akbar li jiżviluppaw il-kanċer filwaqt li testijiet oħra juru li ġrieden li kienu esposti għall-glyphosate żviluppalhom il-kanċer. Kundizzjonijiet oħra rrappurtati juru li tista’ jikkawża ħsara fid-DNA tan-nies filwaqt li fi studji oħra ġie konkluż kif f’ħafna pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, Malta inkluż, instabu traċċi tal-glyphosate fl-urina tal-bnedmin.

“Is-saħħa tan-nies tiġi qabel il-profitti li tagħmel kumpanija” - Miriam Dalli

Kien għalhekk ukoll li l-Kumitat għall-Ambjent fil-Parlament Ewropew (ENVI) beda d-diskussjonijiet dwar is-sigurtà ta’ din l-erbiċida. MEP ewlenija li tkellmet fuq dan is-suġġett kienet l-MEP Maltija Miriam Dalli.

Mal-ILLUM, Miriam Dalli qalet li din il-kwistjoni hija ferm importanti għaliha għaliex is-saħħa tan-nies hija aktar importanti mill-profitti ta’ kumpanija u dan meta huwa fatt li hemm dubji serji dwar is-sigurtà ta’ din l-erbiċida. Miriam Dallli sostniet li “fir-realta’ meta nitkellmu dwar tiġdid tal-liċenzja, nkunu litteralment qed nidħku bina nfusna.

Ifisser li jgħaddu għaxar snin u l-Kummissjoni Ewropeja terġa’, wara għaxar snin li ma jkun sar xejn, terġa’ titlob it-tiġdid.”

“fir-realtà meta nitkellmu dwar tiġdid tal-liċenzja, inkunu litteralment qed nidħku bina nfusna. Ifisser li jgħaddu għaxar snin u l-Kummissjoni Ewropea terġa’, wara gaħaxar snin li ma jkun sar xejn, terġa’ titlob it-tiġdid.” Miriam Dalli

Mal-ILLUM, l-MEP Miriam Dalli qalet li sentejn ilu Malta kienet waħedha kontra l-użu tal-glyphosate, l-uniku pajjiż li vvota kontra t-tiġdid tal-liċenzja Ewropea li riedet il-Kummissjoni.

Dalli enfasizzat li dakinhar Malta kienet waħedha iżda ma ddejqet xejn li tieħu pożizzjoni b’saħħitha favur is-saħħa tan-nies. L-affarijiet inbidlu u speċjalment bix-xogħol li qed tagħmel l-MEP Maltija Miriam Dalli fl-ENVI, hekk kif aktar pajjiżi qed jifhmu l-każ.

Fost il-pajjiżi li ngħaqdu mal-pożizzjoni ta’ Malta hemm il-Belġju, li ddikjara li biddel il-pożizzjoni tiegħu wara x-xogħol li sar fil-Parlament Ewropew.

Il-kumpanija mill-Istati Uniti Monsanto, li primarjament hija wara din l-erbiċida, kienet ġiet ikkritikata fil-passat u akkużata li ndaħlet f’manipolazzjoni tar-riżultati ta’ studji xjentifiċi Ewropej.

Il-Ħodor fil-Parlament Ewropew ħabbru l-Ħamis li għadda li se jiġbru l-firem sabiex jitwaqqaf kumitat ta’ inkjesta li jinvestiga d-deċiżjoni wara l-proposta tat-tiġdid tal-liċenzja tal-glyphosate. Il-Partit tal-Ħodor irid ikun jaf kif studji li juru kif l-glyphosate hija perikoluża għas-saħħa ġew injorati.

L-għaqda internazzjonali Greenpeace saħansitra kkritikat lill-Kummissjoni Ewropea għaliex fi kliemha l-ammont u kif tintuża din l-erbiċida li huwa importanti u mhux sakemm se tibqa’ tintuża. Tant infirex l-użu tal-glyphostae li l-qligħ ta’ Monsanto minn dan il-prodott huwa ta’ xejn anqas minn €1.3 biljun fis-sena.

More in Politika