Jittamaw li jirbħu l-Eżekuttiv biex iressqu l-vot dwar Delia

  • Ara fl-artiklu l-lista tal-kandidati li jridu dawk ta' kontra Adrian Delia 
  • Sorsi qalu mal-ILLUM li b'riżultat favorevoli jkun iktar possibbli li jsir vot sigriet fuq il-Kap 

Dawk fil-Partit Nazzjonalista li huma fil-kamp ta’ kontra l-Kap Adrian Delia u jappoġġjaw lid-deputati meqjusa ‘ribelli’ fil-grupp parlamentari, qed jaħdmu qagħtieh sabiex jirbħu l-maġġoranza tal-Kumitat Eżekuttiv fi ħdan il-partit waqt l-elezzjoni li se ssir nhar is-Sibt li ġej 4 ta’ Novembru.

Sorsi fil-Partit Nazzjonalista li tkellmu mal-ILLUM sostnew li din l-elezzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv hija kruċjali għaliex jekk ta’ kontra Adrian Delia jkollhom il-maġġoranza fl-eżekuttiv, id-deputati ‘ribelli’ fil-grupp parlamentari jkunu f’pożizzjoni aħjar li jressqu vot sigriet kontra l-Kap.

Fil-ġranet li għaddew, l-ILLUM żvelat kif hemm il-ħsieb li deputati ‘ribelli’ jitolbu lill-Whip li jsir vot sigriet dwar il-Kap.

Għalkemm xi ħaġa bħal din qatt ma saret fil-partit,  l-istatut tal-partit m’għandux provvedimenti dwar vot sigriet u allura tista’ ssir. Is-sorsi qalulna li d-deputati ‘ribelli’ “jkunu aktar komdi li jitolbu vot sigriet għaliex jekk jitressqu quddiem il-Kumitat Eżekuttiv, flok jitkeċċew għax ikunu vvutaw biex ineħħu l-Kap, jispiċċaw jitqiesu eroj.

Kif spjegawlna s-sorsi, bil-maġġoranza ta’ kontra Delia fil-Kumitat Eżekuttiv, jiġi approvat r-riżultat tal-vot sigriet minflok jiċċanfru d-deputati ‘ribelli’.

Sorsi oħra fil-Partit Nazzjonalista qrib tad-deputati ‘ribelli’ kienu stqarrew mal-ILLUM li jekk jittieħed vot sigriet, dan se jittieħed qabel l-elezzjoni tal-Viċi Kapijiet tat-18 ta’ Novembru.

'Block vote' li qassmu dawk ta' kontra Delia
'Block vote' li qassmu dawk ta' kontra Delia

Is-Sibt li għadda fid-Dar Ċentrali tal-partit saret l-‘early voting’ tal-Kumitat Eżekuttiv u mill-kamp ta’ kontra Adrian Delia bdew iqassmu ‘block vote’.

Dan apparti li tqassmu wkoll ‘block votes’ oħrajn minn dawk favur il-Kap.

Jidher għalhekk li r-riżultat tal-elezzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv jinsab fuqnett tal-aġenda tat-taqtiegħa għall-kontroll tal-partit.

More in Politika