'Huwa d-dmir tal-Gvern li jara li jkun hawn ħarsien tal-libertajiet'

Joseph Muscat qal li qed ngħixu fi żmien fejn ma nistgħux ngħidu li l-paċi hija dejjiema jekk ma nħarsuhiex

Fil-ftuħ tal-Kunsill Globali għat-Tolleranza u l-Paċi (GCTP), il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li l-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia wera li Malta wkoll m’għandha l-ebda immunità mit-theddida tal-libertajiet. Qal li huwa d-dmir tal-Gvern li jara li jkun hawn ħarsien tal-libertajiet fosthom l-libertà tal-espressjoni.

Waqt it-tnedija tal-GCTP f’Dar tal-Mediterran, il-Prim Ministru Joseph Muscat wera sodisfazzjon li Malta ntgħażlet bħalha l-post fejn jitwaqqaf dan il-Kunsill.

Joseph Muscat qal li qed ngħixu fi żmien fejn ma nistgħux ngħidu li l-paċi hija dejjiema jekk ma nħarsuhiex u enfasizza fuq il-bżonn li nindirizzaw ġlied li qed jinqala’ madwar id-dinja u t-tħassib tan-nies dwar dan.

Il-Prim Ministru qal li huwa l-irwol tal-Gvernijiet li jxejjnu l-konflitti u jiżguraw l-istabbilità għax l-instabbilità f’pajjiż jaffettwa fin-negattiv il-kummerċ u l-produttività.

Joseph Muscat qal li huwa d-dmir tiegħu li jipproteġi lill-Maltin mhux biss mill-kunflitti iżda li jara li jiġu protetti wkoll id-drittijiet fundamentali. Spjega kif l-għanijiet tal-GCTP huwa simili għall-politika barranija ta’ Malta għaliex bħala pajjiż newtrali, Malta dejjem ippromwoviet il-paċi.

More in Politika