Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca mhix se tattendi għall-funeral ta’ Daphne Caruana Galizia wara li l-familja tagħha permezz ta’ persuna oħra infurmat lill-President li l-preżenza tagħha mhix mixtieqa.
Kelliem għall-President ikkonfermat mal-midja li l-preżenza ta' Coleiro Preca mhix mixtieqa. Aktar kmieni l-familja kienet diġá esprimiet li ma tridx li tattendi l-midja għall-funeral.
Ġiet ikkonfermata iżda l-preżenza tal-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani, li fil-ġranet li għaddew kien stieden lill-familja Caruana Galizia għal żjara fil-Parlament Ewropew.
Dakinhar Tajani kien ħabbar kif kamra għall-konferenzi tal-aħbarijiet se tissemma’ għal Caruana Galizia.
Il-Quddiesa tal-funeral ta’ Daphne Caruana Galizia se ssir għada l-Ġimgħa fis-2 ta’ wara nofsinhar fil-Knisja Arċipretali ta’ Santa Marija fil-Mosta u se titmexxa mill-Arċisqof Charles Scicluna.
Għada se jkun ukoll jum ta’ luttu nazzjonali wara l-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li nqatlet b’karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru li għadda.