L-attivisti ‘occupy justice’ ikkonfermaw li llum ingħataw ġurnata biex jiltaqgħu mal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Qalu li wara ġimgħa ngħataw ġurnata biex ikollhom laqgħa uffiċċjali. Sostnew li ma kienux qed jistennew li ssir laqgħa ad-hoc u li dejjem riedu li l-laqgħa tkun waħda formali u li l-midja tkun preżenti għal din il-laqgħa.
Din il-laqgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat issa hija skedata għat-8 ta’ Novembru li ġej fil-11 ta’ filgħodu u ġew mistiedna erba’ rappreżenti fost l-attivisti.
Aktar kmieni dalgħodu 15-il attivist mill-‘occupy justice’ settennew lill-Prim Ministru fuq it-taraġ ta’ Kastilja.
Kelliem mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru sostna li l-attivisti ġew infurmati li Joseph Muscat kien se jirritorna Kastilja sa mhux aktar minn 30 minuta wara u li kien lest li jiltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-grupp.
Il-kelliem qal li l-attivisti sostnew li ma setgħux jilqagħu din l-istedina minħabba impenji oħra u talbu li jingħataw data oħra biex il-laqgħa ssir.