10 serqiet kuljum f’Tas-Sliema

  • L-Għassa f'Tas Sliema tirċievi mal-10 rapporti kuljum ta’ 'pick pocketing'
  • Sorsi mill-Korp jgħidu lill-ILLUM li għaddej 'racket' sħiħ

Tas-Sliema qed tiffaċċja ‘racket’ sħiħ ta’ serq mill-bwiet, handbags jew inkella kartieri, skont sorsi fil-Pulizija.

Dan it-tip ta’ serq, magħruf aħjar bħala ‘pickpocketing’ qabad rittmu mgħaġġel bis-sorsi jgħidu illi bosta minn dawk li qed iwettqu r-reat x’aktarx huma żingari (gypsies), il-maġġoranza tagħhom mil-Lvant tal-Ewropa.

Dawk li tkellmu ma’ din il-gazzetta żvelaw kif il-Pulizija fl-għassa ta’ Tas-Sliema qed jirċievu medja pjuttost xokkanti ta’ 10 rapporti kuljum ta’ nies li jintserqulhom oġġetti jew flus minn ‘pickpockets’. Dan ifisser li din il-lokalità qed tesperjenza mat-300 serqa ta’ dan it-tip kull xahar jew mat-3,600 serqa ta’ dan it-tip fis-sena.

Dawk li tkellmu mal-ILLUM spjegaw kif dawn iċ-ċifri allarmanti fil-fatt huma riflessjoni ta’ din il-lokalità waħda biss, b’żoni oħrajn bħal San Ġiljan/Paceville u Buġibba/Qawra jkunu popolari wkoll ma’ dawk li ‘xogħlhom’ huwa s-serq.

Is-sitwazzjoni f’Tas-Sliema fil-fatt tqajmet għall-ewwel darba għall-atrtenzjoni tal-midja f’rapport dwar każ kontra żewġ Bulgari fil-Qorti. Fl-Awla tal-Maġistrat Francesco Depasquale l-Ispettur Mark Mercieca kien qal illi l-Għassa ta’ Tas-Sliema kienet qed tiffaċċja “influss ta’ rapporti dwar pickpocketing.” L-Ispettur kien spjega kif dak li qed jiġri f’Tas Sliema bħalissa “hija ‘mewġa ta’ serq li qed taffetwa s-serħan tal-moħħ tan-nies.”

Pulizija jgħidu li s-sitwazzjoni ta’ serq ‘iggravat ħafna’

L-Ispettur kien qal ukoll li bħall-akkużati kien hemm ħafna; “Dawn ġew Malta tliet darbiet diġa. Dan huwa negozju.”

Is-sorsi mill-Korp tal-Pulizija kkonfermaw dan kollu mal-ILLUM u sostnew illi hemm ħafna xenarji li jistgħu jkunu possibbli. “Li nista’ ngħidlek huwa li kemm ilhom li nfetħu ċerti rotot tal-ajru lejn pajjiżna, dan it-tip ta’ serq żdied bil-kbir. Fil-fatt kemm ili f’dan ix-xogħol, dejjem nara din is-sitwazzjoni tiggrava.”

Is-sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta saħqu illi ħafna minn dawn il-persuni jkunu mħarrġin f’dan it-tip ta’ serq u ħafna minnhom ma jibqgħux f’pajjiżna. Jista’ jkun, għalkemm mhux neċessarjament dejjem jiġri hekk, li dawn jaslu pajjiżna permezz ta’ titjira f’ġurnata partikolari u jitilqu mal-ewwel titjira lura lejn pajjiżhom ftit jiem wara biss.

Din il-gazzetta hija nfurmata wkoll illi bosta minn dawk li jinqabdu f’Malta ġieli jkunu riċedivi hekk kif ikunu wettqu serqiet simili barra mill-pajjiż.

Is-sorsi li tkellmu mal-ILLUM qalu illi ħafna minn dawk li qed iwettqu dan r-reat ikollhom bejn 20 u 50 sena, filwaqt li hemm żewġ gruppi ta’ vittmi li huma l-aktar fil-mira; it-turisti u l-anzjani.

Apparti l-każ li qed jissemma f’dan l-artiklu kien hemm każijiet oħrajn li spiċċaw fuq il-midja. L-akbar każ kien dak li jinvolvi xejn inqas minn 13-il Bulgaru ta’ bejn il-21 u 33 sena u li kompla jinstema’ din il-ġimgħa. Il-Bulgari kienu nqabdu b’mowbajls li kienu rrappurtati misruqin. Irriżulta minn filmati miġbuda minn kameras CCTV li saħansitra tfal kienu qed jintużaw f’dan it-tip ta’ serq.

Dawk li tkellmu ma’ din il-gazzetta stqarrew illi minkejja li s-sitwazzjoni hija allarmanti, din ix-xejra mhix waħda restritta għal Malta biss hekk kif l-istess żingari u għaqdiet ta’ kriminali qed jinfiltraw bliet u komunitajiet madwar l-Ewropa u jisirqu minn hemm ukoll.7

Il-pickpocketing żdied bi kważi 500 offiża fl-2015 meta mqabbel mal-2014, jew inkella żieda astronomika ta’ 32%. Mill-2009 sal-2015 il-każi ta’ pickpocketing żdiedu minn 450 għal 2,030.

F’rapport il-Kriminologu Saviour Formosa kien qabbel din iż-żieda ma’ ‘tsunami’.

Fil-Parlament il-Ministru tal-Intern Michael Farrugia żvela kif kienu b’kollox 116-il persuna li tressqu fuq akkużi ta’ pickpocketing, anke jekk fil-fatt jidħlu d-doppju ta’ rapporti kull xahar minn Tas Sliema biss. Minn dawn, 14 kienu Maltin waqt li l-kumplament ġejjin minn diversi pajjiżi, fosthom il-Bulgarija, ir-Rumanija, ir-Russja, l-Ungerija, l-Italja, l-Libja u s-Serbja.

Fl-2013 tressqu 23 persuna, bl-istess ammont jitressqu fl-2014. Dsatax-il persuna tressqu fl-2015, 29 fl-2016 u sa Settembru tal-2017 kienu tressqu 22 persuna.

More in Politika