'F'Malta hawn il-kultura tal-biża' - Michael Briguglio

  • Protesta oħra din id-darba quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija
  • Għal darb’oħra l-attivisti talbu għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali

Ritratt | James Bianchi/Mediatoday
Ritratt | James Bianchi/Mediatoday

Madwar 500 persuna nġabru għal protesta oħra li saret mis-Civil Society Network u Occupy Justice, din id-darba quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.

Preżenti għal din il-protesta kien hemm fost l-oħrajn Michael Briguglio u Emmanuel Delia kif ukoll numru kbir ta’ deputati u membri tal-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista.

Għal darb’oħra matul il-protesta, l-attivisti talbu għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali.

Ritratt | James Bianchi/Mediatoday
Ritratt | James Bianchi/Mediatoday

Michael Briguglio saħaq li s-Civil Society Network mhix lesta li tipparteċipa f’riformi Kostituzzjonali sakemm ma jirriżenjawx il-Kummissarju.

Enfasizza li kien hemm ħafna aktar persuni li kienu lesti li jipprotestaw imma wkoll imma għażlu li ma jattendux għaliex jibżgħu minħabba li fosthom hemm ukoll ħaddiema mal-Gvern u ċ-Ċivil, li ġew imhedda jekk jipprotestaw.

Michael Briguglio qal li f’Malta hawn il-kultura tal-biża’ u kif isem pajjiżna spiċċa mxandar mal-erbat irjieħ tad-dinja bħala ċentru tal-ħasil tal-flus, ‘tax haven’ tal-mafja u post fejn wieħed jista’ jevita li jħallas it-taxxi.

Qal li xorta waħda l-Kummissarju għadu ma rriżenjax filwaqt li l-FIAU issa ilha xhur mingħajr direttur.

Matul il-protesta kien hemm ukoll il-mużika filwaqt li uħud minn dawk li attendew lestew ajruplani tal-karti b’messaġġi indirizzati lill-Kummissarju li ġew imtajjra minfuq il-kanċell tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.

More in Politika