Persuni u kumpaniji b'rabtiet ma' Malta jissemmgħu fil-Paradise Papers

  • Investigazzjoni ġdida tal-ICIJ simili għall-Panama Papers tikxef numru ta' persuni importanti
  • Allegat li Malta hija destinazzjoni għal fondi ta' investimenti mill-Ażerbajġan

Investigazzjoni oħra li din id-darba saret fuq dokumenti mill-kumpanija Appleby wasslet biex jinkixfu persuni u kumpaniji li fetħu kumpaniji ‘sigrieti’ permezz ta’ intermedjarji bil-għan aħħar allegatament ikun li tiġi evitata t-taxxa.

Ir-Reġina Eliżabetta t-Tieni
Ir-Reġina Eliżabetta t-Tieni

F’dawn id-dokumenti li akkwistat il-gazzetta Süddeutsche Zeitung bl-għajnuna tal-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ) hemm imniżżla fost persuni oħra r-Reġina Eliżabetta it-Tieni, ir-Reġina tal-Ġordan Noor Al-Hussein, Is-Segretarju tal-Istat Amerikan Rex Tillerson, l-eksPrim Ministri tal-Kanada Paul Martin, Jean Chretien u Brian Mulroney, il-President tal-Kolumbja Jean Manuel Santos u dan apparti persuni oħra qrib tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump.

Fil-Paradise Papers, Malta tissemma ma’ pajjiżi oħra ideali għall-investituri barranin hekk kif permezz ta’ rebates it-taxxa effettiva fuq il-profitti tkun ta’ 5%. Id-dokumenti juru wkoll kif Malta hija destinazzjoni mfittxija għall-fondi mill-Ażerbajġan.

Bono l-kantant tal-U2
Bono l-kantant tal-U2

Jissemmgħu wkoll il-kantant tal-U2 Bono, li ismu propja huwa Paul Hewson u kif dan kellu interessi f’kumpanija f’Malta. Persuni oħra b’interessi f’Malta li jirriżultaw mill-Paradise Papers huma l-eksKanċillier Awstrijakk Alfred Gusenbauer, Ana Kolarevic li hij oħt l-eksMexxej tal-Montenegro, Anton Prigodsky li huwa eksdeputat Ukren, Ravindra Sinha li huwa membru tal-Parlament fl-Indja, il-Viċi Prim Ministru Ukren Valeriy Voshchevsky u t-tfal tal-Prim Ministru tat-Turkija.

L-ICIJ, investigaw aktar minn 13-il miljun file minn reġistri ta’ kumpaniji, fosthom dawk li huma intermedjarji tal-offshore.

L-ufficcji tal-kumpanija Appleby
L-ufficcji tal-kumpanija Appleby

Fil-Paradise Papers hemm imnizzla aktar minn 7 miljun ftehimiet għal djun, imejls u trust deeds minn Appleby, li hija kumpanija b’uffiċċji f’Bermuda u pajjiżi oħra.

Il-Paradise Papers jinkludu wkoll dokumenti minn kumpanija oħra żgħira Asiaciti u minn kumpaniji oħra minn 19-il ġurisdizzjoni differenti.

Min-naħa tagħha Appleby kienet iddikjarat li ma kisret l-ebda liġijiet u li l-klijenti tagħha ma wettqu l-ebda illegalitajiet.

More in Politika