
Analiżi | Is-Saltna tad-Dritt: Minn fuq il-karta għar-realtá
- Wara l-qtil ta’ Caruana Galizia l-poplu qed jistaqsi fejn qegħdin dwar is-saltna tad-dritt
- Il-poteri tal-governanza għandhom jibqgħu dejjem mifruxa biex ma jkunx hemm kontroll fuq xi istituzzjoni jew oħra
minn Jesmar Baldacchino
F’Malta bħalissa jinsab għaddej dibattitu sħiħ fuq is-saltna tad-dritt u kif l-istituzzjonijiet tagħna jista’ jiġġieldu l-korruzzjoni u jwettqu l-ġustizzja li kulħadd jixtieq f’pajjiż demokratiku.
Pajjiż normali u Ewropew. Dan is-sentiment wasal eżatt mat-tħabbira tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-protesti li saru għar-riżenji tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali.
Dibatitti twal fil-Parlament u fuq il-mezzi tax-xandir u ma jonqos l-anqas fil-midja soċjali. X’qed iwassal għal dan is-sentiment fil-pajjiż? Għaliex hawn sezzjoni kbira tal-poplu li qed temmen li kieku kellna istituzzjonijiet b’aktar poteri jew li jiffunzjonaw aħjar, kieku Caruana Galizia għadha ħajja? Jew saltna tad-dritt aktar b’saħħitha?.
Matul iż-żminijiet f’Malta ddaħħlu funzjonijiet fl-istituzzjonijiet li huma fundamentali għall-ħarsien tas-saltna tad-dritt u għall-ħarsien tad-drittijiet taċ-ċittadini, iżda f’bosta ċirkostanzi għadna bi pjanijiet li huma fuq il-karta u li mhux neċessarjament qed jitħaddmu bl-aħjar mod.

Is-saltna tad-dritt tirregola l-mod kif jiġi ggvernat pajjiż
Is-saltna tad-dritt huwa l-prinċipju legali li biha pajjiż jiġi ggvernat bil-liġijiet u bis-sehem ta’ istituzzjonijiet minflok jiġi mmexxi minn persuni individwali jew bi Gvern li jkun dittatorjali. Is-saltna tad-dritt tirregola wkoll l-involviment tal-awtoritajiet fis-soċjetà, l-aktar wieħed ikun il-Gvern li jiġi elett demokratikament.
F’dan il-kuntest għalhekk irridu ngħidu li s-saltna tad-dritt hija marbuta intrinsikament mal-pilastri li bihom tiġi definita demokrazija bħalma hija Malta.
Id-demokrazija hija magħmula minn tliet pilastri, dawn huma l-leġiżlattiv, l-eżekuttiv u l-ġudikatura. Demokrazija moderna tqis il-midja bħala r-raba’ pilastru u l-NGOs bħala l-ħames waħda. Jekk wieħed iħares sew lejn din l-istruttura jara li hemm it-tqassim tar-responsabbilitajiet li huma mħarsa skont il-Kostituzzjoni tal-pajjiż.
Din is-sistema ħadet post il-monarkija tradizzjoni, li kien il-ħsieb li hemm don divin li r-Re jmexxi pajjiż, f’dan il-każ is-sudditi tiegħu.
Fl-era tal-‘enlightenment', meta l-monarkiji fl-Ewropa bdew jintemmu u rajna l-fjur u l-istrutturi tad-demokraziji, b’mod speċjali bir-rivoluzzjoni Franċiża, beda wkoll il-moviment tas-separazzjoni tal-istat mill-indħil tal-istituzzjonijiet, jew aħjar is-separazzjoni tal-poteri bejn il-pilastri li fuqhom hija mibnija d-demokrazija.
Kien l-avukat Franċiż Montesquieu, l-ewwel li tkellem fuq il-bżonn li d-demokrazija tara s-separazzjoni tal-poteri. Dan biex il-Gvernijiet ma jkollhomx involviment dirett jew indħil fil-ħidma tal-pilastri l-oħra bħall-Qorti.

L-Istituzzjonijiet qegħdin hemm biex ikun hemm separazzjoni akbar tal-poteri
Sabiex ikun hawn din is-separazzjoni tal-poteri maż-żmien iddaħħlu f’Malta numru ta’ strutturi biex id-deċiżjonijiet jittieħdu dejjem mill-istrutturi l-aktar l-isfel tal-piramida.
Dawn saru minn Gvernijiet differenti fi żminijiet differenti. Eżempju klassiku huma l-Kunsilli Lokali fejn poteri ta’ deċiżjonijiet fl-irħula u l-ibliet bdew jittieħdu minn persuni li jiġu eletti min-nies minn persuni residenti fosthom u mhux aktar mill-Ministeri.
Illum għandna istituzzjonijiet differenti bħalma huma l-Pulizija, il-Prim Imħallef, l-Avukat Ġenerali, l-Bord tal-Governanza, l-uffiċċju tal-Ombudsman, li maż-żmien sar parti mill-Kostituzzjoni, l-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni, l-Kummissjoni għall-amministrazzjoni tal-Ġustizzja, l-FIAU u oħrajn.
Dawn huma kollha istituzzjonijiet li l-mira tagħhom hija li jsir stħarriġ indipendenti tal-operat tal-Gvern, tal-liġijiet, il-ġustizzja u l-ħarsien tad-drittijiet taċ-ċittadini.
Fuq din il-bażi dan l-aħħar rajna wkoll it-twaqqif ta’ liġijiet bħalma huma l-Att dwar il-Whistleblowers, it-tneħħija tal-libell kriminali kontra l-ġurnalisti u liġijiet oħra għal-libertà tal-espressjoni kontra l-‘hate speech’ u oħrajn kontra d-diskriminazzjoni bħal fil-konfront ta’ persuni LGBTIQ+.
Statistika turi li l-perċezzjoni tal-korruzzjoni żdiedet iżda l-OLAF juri li daħħal pjan b’saħħtu
Allura wieħed jistaqsi għaliex hawn perċezzjoni u moviment li s-saltna tad-dritt f’Malta hija mhedda u ċ-ċittadin mhux jieħu l-protezzjoni li jrid ġaladarba maż-żminijiet iddaħħlu istituzzjonijiet demokratiċi biex ikun hawn separazzjoni tal-poteri.
Mill-istatistika li toħroġ Transparency International dwar l-indiċi tal-perċezzjoni tal-korruzzjoni madwar id-dinja, Malta niżlet għas-47 post. Qabilna hemm pajjiżi bħall-Qatar, Barbados u Cape Verde peró qegħdin qabel pajjiżi Ewropej oħra bħall-Italja u l-Ungerija.
Din l-istatistika turi li f’pajjiżna hawn perċezzjoni tal-korruzzjoni għalkemm hawn strutturi stabbiliti.
Din il-fehma jidher li reġgħet issaħħet mal-ħruġ tal-Panama Papers, li wasslu għal bosta protesti kbar f’pajjiżna. Dan is-sentiment fuq l-istituzzjonijiet kostituzzjonali u demokratiċi reġa’ feġġ mal-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, aktar milli għal-libertá tal-espressjoni, l-Maltin huma imħasbin fuq il-perċezzjoni tal-korruzzjoni kif jirriżulta wkoll minn statistika bħalma hija l-Eurostat.
Għaldaqstant mir-rapport tal-2016 tal-OLAF, li huwa l-uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-frodi, jirriżulta li Malta hija fost disa’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li daħħlu fis-seħħ strateġija nazzjonali komprensiva kontra l-frodi.
Fl-2016, b’14-il każ Malta kienet it-tieni l-inqas fl-Unjoni Ewropea b’każijiet ta’ irregolaritajiet u frodi.

Il-bejgħ tal-passaporti rċieva bosta kritika iżda kien sanzjonat mill-Kummissjoni Ewropea
Fil-ġranet wara l-qtil ta’ Caruana Galizia, il-midja fl-Italja bdiet tassoċċja ta’ membri tal-mafja u l-Ndragheta ma’ persuni Maltin, il-bejgħ tal-passaporti u l-ftuħ ta’ kumpaniji f’pajjiżi Sud Amerikani minn intermedjarji Maltin.
Għaldaqstant dawn huma biss spekulazzjonijiet f’dan l-istadju u wieħed irid jistenna l-konklużjonijiet tal-investigazzjonijiet fuq il-qtil ta’ Caruana Galizia.
Dan iżda ma jnaqqasx mit-tħassib li numru ta’ Maltin għandhom fuq kif leġiżlazzjoni li tagħmilha ‘faċli’ li jsir evażjoni jew li persuna taħrab u tabdika milli tħallas it-taxxa tal-pajjiż u minflok tħallas b’rati aktar vantaġġjuża f’pajjiż ieħor.
Il-qafas illi fuqu mibni s-settur tas-servizzi finanzjarji Malti. Fl-Ewropa id-diskussjoni fuq dawn qed twassal biex tiġi imbuttata ‘l quddiem il-ħsieb li jkun hawn armonizzazzjoni tat-taxxa fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, xi ħaġa li kemm il-Gvern, l-Oppożizzjoni kif ukoll l-MEPs huma kontra. Il-bejgħ tal-ċittadinanza iżda hija prerogattiva tal-pajjiżi membri fl-Unjoni u kwistjoni interna tant li l-iskema tal-passaporti ta’ Malta kienet ġiet sanzjonata mill-Kummissjoni Ewropea stess.
Skemi oħra simili jinsabu fis-seħħ f’pajjiżi oħra li bħalna huma membri tal-Unjoni Ewropea.
Kritika għad-deċiżjoni li Malta ma tkunx parti minn uffiċċju Ewropew kontra l-frodi
L-aħħar suġġett tad-diskussjoni fuq il-bżonn tal-kontroll biex tissaħħaħ is-saltna tad-dritt issa huwa t-twaqqif tal-Uffiċċju Ewropew tal-Prosekuzzjoni Pubblika (EPPO).
Hawnhekk il-Gvern Malti għażel li ma jipparteċipax f’dan l-uffiċċju u għalhekk Malta se tkun fost it-8 pajjiżi li sal-lum għadhom barra minn dan il-proġett. L-ewwel ħsieb li jitwaqqaf uffiċċju bħal dan deher fit-trattat ta’ Liżbona fl-2007 iżda qatt ma ġie implimentat tant li Transparency International issa ilhom jappellaw għat-twaqqif ta’ uffiċċju ta’ dan ix-xorta biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-koruzzjoni.
L-EPPO se jkun qed jgħin lill-Unjoni Ewropea kontra l-korruzzjoni mhux biss bi prosekuzzjoni imma wkoll bħala deterrent.
Il-parteċipazzjoni ta’ Malta saret referenza għaliha fil-Parlament ukoll u intqal li jekk irid ikun hawn tisħiħ tas-saltna tad-dritt Malta trid tkun membru tal-EPPO.
Ta’ min jinnota li dan l-uffiċċju mhux se jkollu l-irwol li jsaħħaħ il-libertá tal-kelma iżda biss fuq każijiet ta’ frodi li jista’ jkun sar fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea.

Il-poplu qed iħares lejn l-Unjoni Ewropea biex tintervjeni
Hekk kif is-saltna tad-dritt huwa prinċipju fundamentali għall-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropea u valur tal-popli Ewropej, ir-rispett lejn il-liġi u l-protezzjoni tal-espressjoni tal-kelma u d-drittijiet fundamentali huma inklużi fit-trattati Ewropej.
Il-Kummissjoni Ewropea stess għandha d-dmir li tara li s-saltna tad-dritt qed tiffunzjona fil-pajjiżi membri tal-Unjoni. Kien hemm każijiet fejn intervjeniet bħal fil-każ tal-Ungerija.
Fl-2014, il-Kummissjoni adottat ukoll qafas li jindirizza attakki sistematiċi fuq is-saltna tad-dritt fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. Is-saltna tad-dritt f’Malta diġá tpoġġiet għall-attenzjoni tal-istituzzjonijiet Ewropej mhux biss mill-Maltin li ħarġu jipprotestaw u li qed jistennew li l-Ewropa tieħu azzjoni, imma wkoll mill-MEPs li tkellmu fil-Parlament Ewropew u li dan wassal biex fl-14 ta’ Novembru li ġej se ssir diskussjoni fuq is-sitwazzjoni tas-saltna tad-dritt u l-ħasil tal-flus f’Malta.
Saru wkoll mistoqsijiet mill-ġurnalisti lill-Kummissjoni waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ta’ nofsinhar l-għada tal-qtil ta’ Caruana Galizia. Il-Kummissjoni iżda kienet qalet li għadu kmieni wisq biex tispekula u qed tistenna li l-każ jissolva malajr kemm jista’ jkun.

Il-Gvern jista’ jkun prijunier billi jagħti aktar vuċi lejn dak li jridu n-nies
Fil-kuntest tas-saltna tad-dritt, il-maġġoranza tal-Maltin għad għandhom fiduċja fil-Gvern, tant li mill-aħħar ewrobarometru jirriżulta li jemmnu aktar lill-Gvern milli jemmnu lill-midja.
Fl-aħħar elezzjoni reġa’ kien il-Partit Laburista li rebaħ l-elezzjoni ġenerali meta kien hawn xenarju diffiċċli ta’ allegazzjonijiet kbar ta’ korruzzjoni. Minkejja dan xorta tibqa’ l-għajta tas-soċjetà ċivili, mbuttata wkoll minn proposti mressqin mill-Partit Nazzjonalista, favur l-għażla ta’ numru ta’ karigi permezz taż-żewġ terzi tal-Kamra.
Ir-reazzjoni għal din il-proposta, mqajma mill-ġdid wara l-qtil ta’ Caruana Galizia ġabet żewġ reazzjonijiet. L-ewwel, r-reazzjoni li għandha l-għeruq tagħha f’sistema politika polarizzata, imma wkoll fil-prassi komuni f’pajjiżi oħrajn fejn huwa l-Gvern li jagħżel lill-Kummissarju tal-Pulizija.
Dan naturalment irid ikun meqjus fid-dawl tal-klima politika f’pajjiżna fejn, kif qal id-Dekan il-Liġi tal-Univerità ta’ Malta f’intervista ma’ The Sunday Times tal-Ħadd li għadda, ‘the winner takes it all’.
Għadu meqjus dritt divin tal-Gvern li jkun hu li jagħżel il-Kummissarju, l-Avukat Ġenerali u aktar, kif wara kollox dejjem ġara. Hawnhekk allura għandek ir-riluttanza li l-affarijiet jinbidlu minn kif dejjem saru s’issa. It-tieni reazzjoni hija iktar favorevoli lejn din il-proposta hekk kif minħabba l-istess klima politika ħafna jaraw illi l-appoġġ wiesa’ li jkollu l-Kummissarju tal-Pulizija, jiprekludih minn ħafna kritika li jkollha biss l-interessi politiċi partiġġjani bħala l-bażi tagħha.
Dawn jorbtu ħafna mill-konklużjoni tagħhom fuq diversi punti fosthom, il-ħames bidliet fit-tmexxija tal-Korp, it-tliet bidliet fil-ministeru responsabbli mill-Korp, il-fatt li l-Pulizija ma proċeditx fuq rapporti tal-FIAU, id-dewmien biex ipproċediet fuq l-allegazzjonijiet serji li jirrigwardaw il-kumpanija Egrant u in-nuqqas ta’ informazzjoni minn naħa tal-Pulizija fis-siegħat wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Jibqa’ l-fatt iżda li sakemm hawn ammont konsiderevoli ta’ Maltin li huma mħasbin bis-sitwazzjoni, din hija kwistjoni li l-Gvern irid jindirizza, li ma jistax jinjora u dan speċjalment meta aħna rriduha ta’ pajjiż demokratiku u modern.
Bħalma għandna ambizzjoni li nkunu prijunieri f’ħafna setturi bħalma huma d-drittijiet ċivili, ma jagħmilx sens li ma nkunux ukoll minn ta’ quddiem fit-tħaddim ta’ aktar demokrazija billi karigi sensittivi jibdew jiġu appuntati bl-approvazzjoni taż-żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
B’dan il-mod l-appuntar ta’ persuni pubbliċi ma jkunu biss bis-saħħa tal-voti tal-maġġoranza li jkun akkwista l-Gvern, imma jkollhom warajhom tliet kwarti tal-popolazzjoni.
Il-Gvern ikun deher li ċeda quddiem il-pressjoni ta’ min qed jipportesta minn naħa. Ikun deher ukoll li qed jerħi wisq min taħt idejh.
Ikun ukoll iżda kisser iċ-ċiklu politiku fejn il-partiti jappuntaw f’pożizzjonijiet sensittivi persuni li jintagħżlu aktar fuq il-preferenzi politiċi jew inkella kemm jistgħu jkunu fdati mill-Gvern, milli neċessarjament fuq bażi ta’ meritokrazija.
Dan ikun qed jikkonsolida t-tħaddim tad-demokrazija, is-separazzjoni tal-poteri u l-vuċi tal-poplu.
Tkun demokrazija li twassal għal aktar demokrazija. Possibbilment ikun xenarju fejn il-Maltin ma jaraw li hemm mezzi u istituzzjonijiet tal-karta imma li jistgħu jiffunzjonaw mingħajr xkiel u mingħajr ma jiġu ppuntati swaba.