Il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista qed tiċħad allegazzjoni li Herman Schiavone kien qed jingħata informazzjoni kif qed imorru l-elezzjonijiet interni li saru s-Sibt li għadda, li matulhom ġew eletti l-President il-ġdid tal-Kunsill u l-membri tal-Kumitat Eżekuttiv.
Maltatoday qed tirrapporta lil Anġelito Sciberras, li kien responsabbli mill-elezzjonijiet, jikkonferma li ħadd ma kellu aċċess mil-‘laptops’ li kienu qed jintużaw mill-Kummissjoni waqt il-proċess tal-għadd tal-voti.
Spjega li hija prassi normali li l-uffiċċju tal-Kap jinżamm infurmat bir-riżultat permezz ‘liason person’, liema persuna kienet Hermann Schiavone. Ir-riżultati ntbagħtulu b’ritratti fuq il-Whatsapp tiegħu. Dawn ir-riżultati kienu aċċessibbli viżwalment minn kulħadd preżenti fis-sala.
Sorsi li tkellmu mal-ILLUM u Maltatoday sostnew li Herman Schiavone kellu aċċess dirett għad-dejta li kien qed jirċievi Anġelito Sciberras waqt l-għadd tal-voti tas-Sibt.
Jirriżulta li l-President tal-Kunsill Amministrattiv Karol Aquilina kkonfronta lil Sciberras dwar il-każ, fejn żviluppa battibekk bejniethom. Mal-Maltatoday, Karol Aquilina saħaq li mistoqsijiet dwar dan il-każ għandhom jiġu indirizzati lill-partit.
Anġelito Sciberras qal li s-Segretarju Ġenerali tal-partit Rosette Thake kienet preżenti mal-Kummissjoni u setgħet tara r-riżultati.
Fl-elezzjoni tas-Sibt li għadda, Kristy Debono ġiet eletta President tal-Kunsill Nazzjonali tal-Partit Nazzjonalista wara li b’16-il vot aktar għelbet lill-kandidat l-ieħor Ċensu Galea. Ġew eletti wkoll it-18-il membru tal-Kunsill Eżekuttiv.