Jinjoraw l-Ombudsman dwar ingaġġar fil-Protezzjoni Ċivili
Il-Każ ittella’ quddiem il-Prim Ministru hekk kif il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku nsistiet li m’għamlet xejn diskriminatorju fil-proċess
minn Albert Gauci Cunningham
Mistoqsijiet tal-Ombudsman dwar indħil Ministerjali fil-proċess tal-għażla ta’ ħaddiema tas-CPD ma kinux imwieġba b’mod sodisfaċenti meta skont l-istess Ombudsman ‘dan l-irwol kien delegat lid-Dipartiment tal-Protezzjoni.’
L-Ombudsman qal f’investigazzjoni dwar allegata diskriminazzjoni fl-għażla ta’ tliet persuni li ħassew illi ġew trattati ħażin fil-proċess tal-għażla għall-kariga ta’ Assistant and Rescue Officer.
Il-Każ ittella’ quddiem il-Prim Ministru hekk kif il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku nsistiet li m’għamlet xejn diskriminatorju fil-proċess.
Jallegaw li kellhom il-kwalifiki kollha u ma ngħatalhomx l-impjieg
Fost l-affarijiet illi t-tliet persuni allegaw hemm illi huma kellhom l-kwalifiki kollha neċessarji u meħtieġa, flimkien ma’ snin ta’ esperjenza bħala voluntiera mas-Civil Protection Department (CPD), u xorta ma ngħatawx l-impjieg. Dan filwaqt li nies li kellhom kwalifiċi inqas minnhom ġew mogħtija l-istess impjieg bħala Assistant and Rescue Officer.
Fil-fatt dawn it-tliet ħaddiema sostnew li huma kienu segwew il-korsijiet ta taħriġ kollha meħtieġa u kienu kompetenti daqs il-membri regolari tas-CPD. Madankollu, insistew, huma ma ntagħżlux filwaqt li ntagħżlu dawk li ma kinux għamlu dawn il-korsijiet li jdumu bejn 13 u 15-il ġimgħa.
L-Ombudsman ikkonkluda li kien hemm nuqqas serju ta’ kif ġew proċessati l-petizzjonijiet tagħhom mal-istess Kummissjoni minħabba li fost oħrajn il-Kummissjoni kienet ‘pronta taċċetta l-istqarrijiet tal-Bord tal-Għażla u ma talbitx għall-ismijiet ta’ dawk il-persuni li ngħataw l-impjieg u li dawk li ressqu l-ilment qed jallegaw li qabżuhom anke jekk kwalifikati daqshom. Mill-investigazzjoni li għamel l-uffiċċju tal-Ombudsman dwar dan il-punt partikolari rriżulta li l-metodu li bih ingħataw il-marki u allura ngħataw l-impjiegi in kwistjoni ‘kien wieħed inkomprensibbli. Prima facie jidher li l-Bord tal-Għażla kien ġeneruż iżżejjed ma wħud mill-kandidati u ħafna inqas ġeneruż ma’ dawn it-tliet ħaddiema partikolari.
Fid-dawl ta’ dan u nuqqasijiet oħra li elenka l-Ombudsman fir-rapport tiegħu tal-każijiet li ġew quddiemu fl-2016, l-uffiċċju tiegħu talab spjegazzjoni għal diversi nuqqasijiet. L-Ombudsman staqsa għaliex il-proċess tal-għażla ġie trattat mill-Ministeru u mhux mid-Dipartiment, staqsa wkoll jekk fil-Bord tal-Għażla kienx hemm persuna li tokkupa pożizzjoni ta’ ‘person of trust’.
L-Uffiċċju sostna li mistoqsijiet dwar għalfejn l-għażla saret mill-Ministeru baqgħu qatt ma kienu mweġbin b’mod sodisfaċenti. L-Ombudsman ikkonkluda li l-Bord tal-Għażla kien iddiskrimina mat-tliet persuni li għamlu l-ilment, diskriminiazzjoni li reġgħet seħħet għal darb’oħra fir-rigward tal-marki mogħtija għall-esperjenza. “Dan in-nuqqas sfaċċat, li seta’ sa ċertu punt jitqies bħala diskriminazzjoni mhux f’waqtha, wassal sabiex min fetaħ l-ilment waqa’ lura fl-ordni tal-mertu u allura ma ngħatax il-ħatra. Barra minn hekk wieħed minn dawk li għamel ilment ġie inġustament imċaħħad l-għoti tal-marki għal numru ta’ kwalifiki li hu ressaq flimkien mal-applikazzjoni tiegħu... li kieku ngħata l-marki għaċ-ċertifikati, li kienu prova oġġettiva fihom infushom, kienu jkunu biżżejjed biex jingħata l-ħatra.
Il-Bord, f’reazzjoni sostna li l-istqarrija oriġinali tiegħu ma kellhiex tkun ‘mgħawġa b’mod li tingħata l-impressjoni li l-esperjenza ta’ min għamel l-ilment ma kinitx ikkunsidrata. Żied jgħid li kull min applika kellu l-istess opprtunità li jelaboraw u jespandu fuq il-mistoqsijiet li sarulhom u li ċ-ċertifikati kollha ġew trattati bl-istess mod.
Il-Kummissjoni baqgħet bl-aktar mod riġidu tirrifjuta li taċċetta li sar xi nuqqas min-naħa tagħha u l-Ombudsman iddeċieda li jressaq din il-kwistjoni quddiem il-Prim Ministru skont ma jipprovdi l-Att dwar l-Ombudsman. Sussegwentement waqt laqgħa li saret maċ-Chairman tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, l-Ombudsman ġie informat li kien hemm possibilità li tinstab soluzzjoni, iżda din baqgħet qatt ma immaterjalizzat.
Wara li saret aktar analiżi tal-provi li rriżultaw mill-istħarriġ u tal-kunsiderazzjoni tal-konklużjonijiet li saru mill-Kummissjoni u l-mod kif din approvat l-aġir tal-Bord tal-Għażla, l-Ombudsman ħejja opinjoni ulterjuri li essenzjalment kienet tikkonferma l-fatti elenkati, il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjoni li saret fl-ewwel rapport tiegħu.