Filmat | Jibdew ix-xogħlijiet fuq l-ewwel fażi tal-‘junction’ tal-Marsa

  • Proġett kbir infrastrutturali li jammonta għal €85 miljun
  • Se jkun maqsum fi tliet partijiet u mistenni li jkun lest fi żmien tliet snin

Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

Ix-xogħlijiet fuq il-proġett tal-‘junction’ tal-Marsa se jibdew mil-lum. Dan wara li kien il-Ministru għat-Trasport Ian Borg li ħabbar dan waqt konferenza tal-aħbarijiet aktar kmieni l-ġimgħa li għaddiet hekk kif l-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-permessi kollha meħtieġa.

Il-proġett se jkun maqsum f’fażijiet differenti, b’allokazzjoni ta’ €85 miljun, b’€45 miljun kofinanzjament mill-Unjoni Ewropea, li mistenni jkun lest fi żmien tliet snin.

 

L-għan tal-proġett huwa li jitħaffef il-mod kif qed jimxi t-traffiku llum il-ġurnata. Dan għaliex l-eluf ta’ karozzi, li ta’ kuljum jgħaddu minn dawn it-toroq arterjali, ikollhom jieqfu mat-‘traffic lights’ biex jagħtu ċ-ċans lil sewwieqa oħra jgħaddu minn bnadi oħra.

Il-proġett tal-Marsa se jara li permezz tal-bini mill-ġdid tal-‘junction’ u ‘flyovers’, dan it-traffiku li jkollu jieqaf mat-‘traffic lights’ jibda jħaffef aktar lejn Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, Ħal Luqa u l-Fgura.

Il-‘flyovers’ se jkunu qed jifirxu t-traffiku lejn il-lokalitajiet differenti tal-inħawi billi jitneħħew ukoll l-ammont ta’ ‘traffic lights’ li hemm preżentament, li joħolqu l-waqfien tat-traffiku, li tiggrava meta jkun hemm ix-xita.

Il-proġett, li huwa meqjus bħala l-aktar wieħed ambizzjuż fit-toroq Maltin, se jkun maqsum fuq tliet fażijiet, bl-aħħar fażi tkun dik ta’ ‘junction’ b’bosta livelli.

Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

Din it-tielet fażi se tkun l-akbar waħda mill-proġett kollu fejn se jinbnew seba’ ‘flyovers’ li l-ħsieb warajhom huwa li jsolvu l-problemi tal-konġestjoni tat-traffiku kbir li jinġema’.

Il-proġett huwa mmirat ukoll li jżid is-sigurtà fit-triq. Il-proġett kollu tal-‘junction’ tal-Marsa jinkludi t-twaqqigħ tal-fabbriki vojta, il-bini ta’ ‘junction’ bi tliet karreġġjati, iċ-ċaqliq tal-karreġjati li hemm fil-preżent fis-sit, il-bini ta’ ‘park and ride’ li se jkun qed joffri parkeġġ għal aktar minn 250 karozza u t-tisbiħ tal-medda kollha li hija mifruxa fuq 25,000 metru kwadru.

L-ewwel fażi tal-proġett jikkonsisti fit-twaqqigħ tal-fabbriki fil-Marsa fi Triq il-Labour, li se jagħmlu l-ispazju għal toroq ġodda, u tkabbir strutturali li huwa ppjanat fl-inħawi. It-tieni fażi tal-proġett se jara l-bini ta’ ‘interchanges’ b’livelli differenti mill-Marsa sa’ biswit iċ-ċimiterju tal-Addolorata.

It-toroq li fuqhom se jsiru x-xogħlijiet jinkludu Triq Aldo Moro, Triq il-Labour, Triq Garibaldi, Vjal Santa Luċija, Vjal Sir Paul Boffa  u Triq Ħal Qormi. Dan mistenni li jdum seba’ xhur biex jitlesta.

It-tielet fażi tal-proġett huwa l-bini tal-‘flyovers’ stess. Il-proġett se jinqasam fi tliet fażijiet biex ikun wieħed aktar mexxej u x-xogħlijiet jitlestew fil-ħin stipolat.

Transport Malta wettqet ukoll xogħlijiet mar-‘roundabout’ fin-naħa ta’ isfel qabel it-telgħa ta’ Kordin biex il-karozzi tal-linja jgħabbu l-passiġġieri mingħajr ma jtellfu u biex il-karozzi li jkunu ġejjin minn Raħal Ġdid u Kordin lejn il-Marsa jkunu jistgħu jibqgħu għaddejjin mingħajr ma jieqfu wara l-karozzi tal-linja.

More in Politika