Lejn strateġija biex tingħeleb il-vjolenza sesswali fl-Ewropa

  • Miżuri ġodda biex persuni vulnerabbli jagħmlu l-kuraġġ u jirrappurtaw
  • Task force tal-Parlament Ewropew biex jiddaħħlu liġijiet u regoli ġodda

Il-Parlament Ewropew qed jaħdem biex jidħlu fis-seħħ miżuri li jgħinu lil persuni vulnerabbli biex ikunu f’pożizzjoni aħjar li jagħmlu rapporti fuq abbuż sesswali li jkunu għaddew minnu. Dawn il-miżuri se jkunu qed joffru wkoll aktar protezzjoni.

L-MEPs qablu li min iwettaq fastidju jew vjolenza sesswali għandu jgħaddi mill-id tal-ġustizzja u li l-ebda reat bħal dan m’għandu jibqa’ għaddej qisu mhu xejn.

Għal dan il-għan saret ukoll riżoluzzjon li ġiet approvata b’580 favur, 10 kontra u kien hemm 27 astensjoni, fejn talbu lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi strateġija għall-Unjoni Ewropea kollha, kif ukoll abbozz ta’ liġijiet li jorbtu lill-pajjiżi membri, li jipproteġu lin-nisa kontra l-vjolenza inkluż il-fastidju, l-abbuż u l-vjolenza sesswali.

Dawn il-miżuri qed jaslu wara l-inkixef l-iskandlu ta’ Harvey Weinstein u l-kampanja onlajn li qed issir bħalissa #MeToo, fejn nisa li għaddew minn xi forma ta’ fastidju jew vjolenza sesswali qed jgħidu l-istorja u l-esperjenzi tagħhom.

Din ma kinitx l-ewwel darba li l-MEPs tkellmu fuq il-fastidju u l-abbuż sesswali tant li l-aħħar seduta tal-plenarja li matulha ġie diskuss dan is-suġġett kien fi Frar tal-2016. 

Fl-2001 kienu saru rimarki kif iż-żieda ta’ nuqqas ta’ sigurtà fl-impjieg kienet se twassal u li jkun hemm lok għal aktar abbuż u għalhekk kienu saru appelli lill-pajjiżi Ewropej biex jissaħħu l-liġijiet biex tingħeleb din il-problema. Dan wassal għall-Konvenzjoni ta’ Istanbul tal-Kunsill tal-Ewropa. Il-Kummissjoni Ewropa se tkun qed twettaq stħarriġ ġdid dettalji dwar il-vjolenza sesswali u vjolenza abbażi tal-ġeneru.

Rapporti ta’ fastidju sesswali u abbuż ieħor fil-Parlament Ewropew

Sfortunatament każijiet bħal dawn mhux dejjem jiġu rrappurtati minħabba l-biża’ min-naħa tal-vittmi. L-abbuż sesswali fuq il-post tax-xogħol lanqas ma huwa nieqes fil-bini tal-Parlament Ewropew l-MEP Jadwiga Wiśniewska sostniet li mhux aċċettabbli li fil-qalba tad-demokrazija tal-Ewropa, li huwa l-bini tal-Parlament Ewropew, kien hemm nisa li ngħataw fastidju sesswali.

Qalet li d-diskussjoni fl-Ewropa għandha tkun li jingħata l-kuraġġ biex aktar nisa jitkellmu fuq l-esperjenzi koroh li jkunu għaddew minnu.

Mill-konklużjonijiet ta’ rapport tal-MEP Franċiża Elisabeth Morin-Chartier, li baqa’ qatt ġie ppubblikat, u li kien ikkommissjonat minn kumitat li twaqqaf appost, jirriżulta li l-Parlament Ewropew ukoll qed isib diffikultà jinvestiga każijiet ta’ allegat fastidju sesswali f’uffiċji ta’ MEPs. Każ partikolari dam 17-il xahar biex ġie konkluż u dan wassal għal twiddiba min-naħa tal-Ombudsman Ewropew. Kien hemm aktar minn rapport wieħed fuq tliet MEPs partikolari.

Bejn Ġunju tal-2014 u l-aħħar tal-2016, dan il-kumitat irċieva 10 ilmenti fuq fastidju psikoloġiku, li kienu indirizzati lejn xi MEP. Dawn ġabu magħhom ritratti, stampi u konversazzjonijiet mill-Facebook jew WhatsApp u li wasslu għal 1,500 paġna ta’ evidenza.

Skont ir-regola 166 tal-proċeduri tal-Parlament Ewropew, il-President jista’ ‘jikkastiga’ MEP li jinstab li jkun kiser il-kodiċi tal-etika jew li ma jkunx wera rispett lejn il-kollegi jew l-assistenti. Il-‘kastig’ jista’ jkun ukoll nuqqas ta’ allokazzjoni finanzjarja jew sospensjoni mill-attivitajiet parlamentari.

Malta lesta biex iddaħħal fis-seħħ aktar liġijiet kontra l-abbuż

Dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, f’Malta għadda għat-tieni qari l-abbozz tal-liġijiet dwar din it-tip ta’ vjolenza kif ukoll dwar il-vjolenza domestika. Dan l-abbozz se jkun qed ibiddel il-liġi dwar il-vjolenza domestika f’Malta u se jkunu konformi mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul. B’hekk il-liġi se tirrifletti li l-vjolenza hija problema tas-soċjetà u mhux biss tal-vittmi.

Fil-każ tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru, kif tgħaddi l-liġi, il-Pulizija se jkunu jistgħu jipproċedu awtomatikament (ex officio). Bil-liġi l-ġdida huwa mistenni jiżdiedu l-pieni għal min iwettaq reati sesswali jew stupru, biż-żmien ta’ priġunerija tiżdied minn minimu ta’ tliet snin u massimu ta’ sitt snin għal minimu ta’ sitt snin u massimu ta’ tnax-il sena.

Skont studju li tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA):

  • 1 minn kull 3 nisa esperjenzaw vjolenza fiżika jew sesswali
  • 1 minn kull 5 nisa f’Malta kienu vittmi ta’ abbuż sesswali
  • 55% tan-nisa fl-Ewropa għaddew minn fastidju sesswali
  • 32% tal-vittmi sostnew li l-abbuż sar minn kollega fuq il-post tax-xogħol
  • 75% tan-nisa fi professjoni jew karigi ta’ tmexxija għaddew minn fastidju sesswali
  • 61% tan-nisa li jaħdmu fis-settur tas-servizzi esperjenzaw xi forma ta’ fastidju sesswali
  • 20% tan-nisa bejn it-18 u d-29 sena esperjenza fastidju sesswali onlajn
  • 1 minn kull 10 nisa għaddew minn fastidju sesswali b’mezzi tekonoloġiċi

More in Politika