Dawk kollha li huma nvoluti fis-settur tat-tatù se jibdew jingħataw taħriġ speċjalizzat sabiex l-operaturi jgħarrfu aħjar r-riskji li jista’ jkun hemm fit-tpinġija. Dan hekk kif matul dawn l-aħħar snin, l-istabbilimenti tat-tatù żdiedu għal aktar minn 200.
Waqt it-tnedija ta’ konsultazzjoni pubblika, l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne saħaq li prattikament hawn stabbiliment tat-tpinġija tat-tatù f’kull lokalità u filwaqt li huma liċenzjati, ma hawnx qafas li permezz tiegħu artist jiġi rikonoxxut bħala ‘tattooist’.
Il-Ministru Fearne qal li l-Ministeru qed iħares lejn kors li jikkonsisti f’45 siegħa, biex l-artist jiġi rikonoxxut bħala ‘tattooist’, liema kors ikun jinkludi u jvarja fuq aspetti differenti bħalma huma l-iġjene, l-preparazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet din hija miżura intiża li ssaħħaħ il-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Qalet li hemm riskji li huma relatati mal-ġilda, li jinkludu infezzjonijiet bħall-Epatite A u B u l-HIV fost l-oħrajn.
Charmaine Gauci qalet li bħala parti mir-regolamenti l-ġodda, l-artisti jeħtieġ li jagħmlu l-kors, li se jkun mogħti minn professjonist li jkun ilu fis-settur għal ħames snin u professjonisti oħra fil-qasam tas-saħħa.
Se jkun jeħtieġ ukoll li l-artisti nfushom jieħdu t-tilqim kollha meħtieġa għal saħħithom. Dan apparti t-twaqqif ta’ sistema fejn l-operaturi jkunu jistgħu javżaw lill-awtoritajiet jekk ikun hemm prodotti perikolużi jew problemi oħra jistgħu jiltaqgħu magħhom.