‘Bnejna profil qawwi u reputazzjoni globali għas-servizzi finanzjarji’

  • Silvio Schembri jitkellem mal-ILLUM fuq il-futur tas-servizzi finanzjarji
  • Jgħid li r-rapport tal-PANA kkonferma li pajjiżna mhux ‘tax haven’

L-ILLUM titkellem mas-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, l-Ekonomija Diġitali u l-Innovazzjoni Silvio Schembri dwar l-isfidi li għandu quddiemu s-settur finanzjarju, il-konklużjonijiet li ħarġu mir-rapport tal-PANA fil-Parlament Ewropew li kien ippubblikat il-ġimgħa li għaddiet, iżda wkoll fuq il-futur li hu jara li jista’ jkollu dan is-settur u l-investiment f’setturi innovattivi ġodda li jistgħu jkomplu jsaħħu l-ekonomija.

X’inhu l-istat tas-settur tas-servizzi finanzjarji fil-preżent?

Pajjiżna rnexxielu jibni profil qawwi u reputazzjoni globali għas-servizzi eċċelenti li joffri f’dak li għandu x’jaqsam mal-industrija tas-servizzi finanzjarji. L-investiment dirett barrani li esperjenza pajjiżna fl-aħħar snin huma turija tal-fiduċja kbira li jgawdi minnha pajjiżna.

Dak li qed jagħmel pajjiżna suċċess illum f’dan is-settur iżda huwa li bħala pajjiż ma bqajniex marbutin ma’ niċċa waħda, jew ma’ qasam wieħed ta’ dan il-qasam li rrid ngħid li huwa vast u li jinbidel malajr ħafna wkoll. Rajna investimenti f’oqsma differenti u ġodda mhux biss għal Malta biss, iżda anke fid-Dinja kollha, l-aktar fil-qasam tal-Fintech (programmi elettroniċi użati fl-oqsma tal-banek u s-servizzi finanzjarji) meta wieħed qed jitkellem fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.

Irrid ngħid li llum qegħdin fl-istat li qegħdin, b’pajjiżna huwa meqjus bħala wieħed mill-akbar ċentri għal dawn is-servizzi, għax konna flessibli, iżda aktar minn hekk aħna pajjiż li nadattaw malajr, forsi d-daqs żgħir tagħna jagħmilha aktar faċli wkoll, li nkomplu nikbru u niftħu l-bibien tagħna għal teknoloġiji ġodda.

Fuq kollox illum hawn Gvern li huwa tabilħaqq favur in-negozju, billi fost l-oħrajn qed joħloq l-aħjar infrastruttura, billi jkun effettiv u joffri kull għajnuna lill-investituri li se jinvestu flushom biex ikabbru ġidhom iżda fuq kollox li se jwasslu għal aktar tkabbir ekonomiku għalina bħala pajjiż flimkien ma’ aktar impjiegi għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Sodisfatt bil-konklużjonijiet tar-rapport tal-PANA?

Ir-rapport PANA kkonferma dak li kien magħruf diġà qabel. Ikkonferma li pajjiżna mhuwiex xi ‘tax haven’ kif ipprovat tingħata l-impressjoni kemm minn barranin, li b’mod effettiv għandhom interess hekk kif ikun hemm element ta’ għira minn pajjiżi oħra għall-andament ekonomiku tajjeb ħafna li għandu pajjiżna u anke minn dak li qalu xi esponenti politiċi hawn f’Malta.

Il-Kumitat PANA qal ukoll li Malta timxi fuq ir-regoli u l-leġiżlazzjonijiet Ewropej u dawk tal-OECD. L-ikbar ċertifikat tal-konklużjonijiet li ħarġu mir-Rapport PANA tawh iżda l-istituzzjonijiet ewlenin finanzjarji ta’ pajjiżna; l-Aġenzija Finance Malta, il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta, il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Għawdex u l-Istitut tal-Operaturi tas-Servizzi Finanzjarji (IFSP) li mhux biss ikkonfermaw li pajjiżna huwa konformi mar-regoli kollha eżistenti, iżda għamlu appell importanti lill-imsieħba kollha fil-qasam, lill-politiċi, lill-Maltin u l-Għawdxin, biex kulħadd jiġbed ħabel wieħed.

Kif tara li dan is-settur se jkun fi żmien 5 snin oħra?

Mingħajr dubju dan is-settur se jibqa’ jkun wieħed mill-akbar pilastri, fost l-aktar importanti u rrid ngħid sodi tal-ekonomija tagħna. Il-fatt li f’dan is-settur hemm taħlita ta’ investiment qawwi f’dak li huma prattiċi hekk imsejħa tradizzjonali kif ukoll dawk ġodda u emerġenti huwa bażi soda ħafna għal pajjiżna.

Importanti f’dan kollu r-regolarizazzjoni tas-settur li huwa wieħed b’saħħtu u għaldaqstant, l-effettività tiegħu turi s-serjetà li biha jimxi pajjiżna.

Dan filfatt innotawh il-Kumitat PANA fir-rapport tagħhom. Hemm ukoll il-protezzjoni tal-konsumatur flimkien mal-kapital u s-serjetà li bihom jimxu l-banek. Dawn l-elementi kollha jħallu lil dan is-settur f’pożizzjoni b’saħħitha fil-futur.

Dwar is-settur tal-gaming kif tara li l-qafas regolatorju se jkun qed jgħin biex dan jissaħħaħ?

Biex jiżdied it-tkabbir fis-settur tal-gaming, irid ikun hemm qafas regolatorju li jkun loġiku, ibbażat fuq l-evidenza, mizuri ġusti, mekkaniżmi u proċessi li jiddaħħlu fis-seħħ b’mod effiċjenti u konsistenti għal kull tip ta’ gaming. L-industrija tal-gaming hija kontinwament soġġetta għal żvilupp f’sens ta’ konverġenza, teknoloġija u ż-żieda ta’ kemm hija attraenti bħala settur.

Dan jittieħed inkonsiderazzjoni anke mil-lat regolatorju. Ir-regolatur, l-MGA, jaħdem biex jipprova jsib bilanċ ġust biex ikun hemm l-aqwa klima biex kumpaniji regolati jkunu jistgħu jkomplu jikbru fl-istess waqt li tkun enfasizzata mġiba responsabbli u legalment ġusta. Il-White paper li ġiet ippubblikata dwar il-qafas regolatorju ġdid tas-settur tal-gaming u li tressqet għall-konsultazzjoni pubblika hija parti minnn strateġija biex tpoġġi lill-awtorità f’pożizzjoni li tkun future proof u li tibqa’ relevanti f’din l-industrija li dejjem tinbidel.

Il-qafas regolatorju l-ġdid ser isaħħaħ is-settur tal-Gaming għaliex ser ikun qed jinkorpora fih proċessi loġiċi u maħsuba għall-futur, ser ikun qed jissimplifika l-proċessi regolatorji u jutilizza sistema ‘risk based’ b’rabta ma’ ‘compliance’ fejn ir-regolatur ikun jista’ jiffoka l-attenzjoni tiegħu fejn ikun hemm l-aktar ħtieġa. Dan il-qafas qed jiġbor fih il-liġijiet kollha relatati mal-gaming f’liġi waħda u qed jaġġorna liġijiet antiki li ilhom fis-seħħ snin.

Tul dan il-proċess, l-awtorità qed iżżomm djalogu miftuħ bħalma tagħmel dejjem mal-operaturi u mal-industrija, għaliex temmen li dawn jistgħu jagħtu kontribut biex jiżviluppaw il-futur ta’ din l-industrija. Mhijiex koinċidenza li operaturi Maltin li huma liċenzjati f’ġurisdizzjonijiet oħra għażlu lil pajjiżna biex jistabbilixxu s-servizzi u l-operazzjonijiet globali tagħhom. It-tkabbir stabbli li għandna fil-pajjiż, u l-ekosistema li wasslet biex pajjiżna jkun ċentru ta’ eċċellenza, jgħinu lil din l-industrija, però din l-industrija ma komplitx tikber b’kumbinazzjoni, iżda b’ħidma minn regolatur li jaf jagħmel użu tajjeb mill-informazzjoni u l-esperjenza li ggwadanja fl-aħħar snin.

Minbarra l-ħidma li saret u li għadha qed issir fuq il-qafas regolatorju, tul dawn l-aħħar snin, l-awtorità Maltija għall-gaming ħadmet ukoll biex issaħħaħ ir-riżorsi u l-kapaċitajiet tagħha permezz ta’ investiment fis-sistemi tal-IT, fir-riżorsi umani, u policies li ġew riveduti għal ħtigijiet tal-lum.

L-investiment li sar f’din l-awtorità kien neċessarju għaliex f’pajjiż fejn is-settur tal-Gaming jikkontribwixxi tant, tikber il-ħtieġa li jkollok regolatur b’saħħtu, innovattiv, u fuq kollox indipendenti, li jimplimenta politika dwar gaming u li jwassal li jkun hemm sostenibbilità. Huwa regolatur b’saħħtu wkoll li jwassal biex iżomm l-industrija eżistenti u jkompli jattira aktar investiment lejn pajjiżna.

Bl-ammont ta’ ħaddiema li jinkludi s-settur tal-gaming, kif il-pajjiż se jkun qed jindirizza ħtiġijiet li s-settur qed iġib miegħu bħalma huma l-infrastruttura u l-propjetà?

L-ispażju hija problema ta’ pajjiż żgħir bħal tagħna, iżda bil-ħidma ta’ bosta entitajiet bħalma huma l-Awtorità Maltija għal-Logħob, il-Malta Enterprise, bħala pajjiż qed noffru l-aqwa servizz possibbli anke f’dak li għandu x’jaqsam ma’ propretajiet fejn joperaw dawn il-kumpaniji li magħhom iħaddmu mijiet ta’ ħaddiema.

Apparti l-propjetà, pajjiżna qed jaffaċja wkoll sfidi fil-kirjiet ta’ propjetà privata, hekk kif ikunu bosta l-ħaddiema barranin ukoll li jiġu jaħdmu f’dan is-settur, kemm minħanna l-iskills li għandhom anke minħabba l-lingwi li jitkellmu. Meta d-domanda hija daqstant kbira, allura qed jgħolew il-prezzijiet u kien propju għalhekk li dan il-Gvern, fl-aħħar baġit, ħabbar li se tkun qed tinħareġ white paper sabiex dan il-qasam ikun indirizzat.

Irid ngħid li hawn problema wkoll f’dak li huma skejjel għall-barranin, min jiġi f’pajjiżna ovvjament irid jibgħat lil uliedu sabiex jistudjaw u jieħdu l-edukazzjoni taghom.

Fejn qed imorru fuq il-kunċett tal-‘cryptocurriences’?

Cryptocurrencies kif ukoll il-blockchain huma innovazzjonijiet li kulma jmur qed isiru aktar importanti. Bħala regolatur innovattiv u li jħares ’il quddiem, inħossu l-ħtieġa li nilqgħu dawn il-kunċetti fl-istess waqt li nistudjaw sew ir-riskji u l-opportunitajiet li jġibu magħhom. Dan biex inkunu nistgħu nilqgħu għal dawn ir-riskji. Waqt li qed inkunu prudenti, ma rridux li nitilfu opportunitajiet li jista’ jkun hemm ta’ innovazzjoni u żvilupp.

Bħalissa qed naħdmu biex fil-bidu tas-sena d-dieħla nippubblikaw pożizzjoni formali fuq cryptocurrencies biex l-industrija tkun taf eżattament kif l-MGA ser tkun qed tissorvelja l-cryptocurrency. Għal dan il-għan, l-awtorità Maltija għal-logħob ser tkun qed taddotta dak li jissejjaħ sandboxed approach.

L-idea hi li cryptocurrency, bħala forma ta’ pagament tkun introdotta f’qafas ikkontrollat għal perjodu ta’ żmien biex ikun hemm żmien li fih tkun tista’ ssir analiżi tal-kontrolli u l-liġi proposta biex imbagħad jiġi rfinat il-mod ta’ kif ser ikun irregolat. B’dan il-mod ikun hemm aktar flessibilità biex jiġu mmaniġġjati r-riskji fost oħrajn. Huwa importanti li innovazzjonijiet bħal dawn joperaw f’qafas regolat.

Hemm riskji li jridu jiġu indirizzati biex nassiguraw li dawn l-iżviluppi ma jippreġudikawx il-protezzjoni ta’ min jilgħab, l-importanza tal-prevenzjoni ta’ atti kriminali skont ir-raba’ direttiva ta’ kontra l-ħasil ta’ flus, kif ukoll biex nissalvagwardjaw ir-reputazzjoni tal-ġurisdizzjoni Maltija.

L-awtorità bħalissa qed taħdem biex tidentifika l-aħjar mizuri biex tiġi salvagwardjata l-industrija minn riskji simili iżda mingħajr ma toħnoq l-innovazzjoni jew użu leġittimu tal-cryptocurrencies. Dwar din nixtieq nieħu din l-okkażjoni biex inħabbar li se jkun hemm proċess ta’ konsultazzjoni li se jkun pilotat mill-MFSA sabiex inkomplu nespolaraw possibilitajiet f’dan is-settur.

X’se tkun il-ħidma tal-Awtorità tal-Gaming biex tara li jitwettaq il-proċess ta’ żvilupp tas-settur tal-gaming?

L-Awtorità taħdem il-ħin kollu biex dan is-settur ikompli jiżviluppa. Fl-aħħar snin saru numru ta’ riformi fi ħdan l-awtorità biex ittejjeb u ssaħħaħ is-sistemi amministrattivi tagħha, il-kontrolli eżistenti u l-proċessi tagħha, sabiex tkompli tissaħħaħ dejjem aktar bħala regolatur.

Dan jinkludi wkoll investiment fir-riżorsi umana, f’teknoloġiji sofistikati u f’business intelligence tools biex iżżid il-kapaċitajiet tagħha ta’ moniteraġġ u compliance. L-awtorità hija ffukata wkoll u qed taħdem biex iżżid il-protezzjoni tal-plejers u biex issaħħaħ l-integrità tal-logħob u tal-ġurisdizzjoni. Għal dawn l-aħħar xhur, l-Awtorità kienet qed taħdem fuq il-liġi l-ġdida li, kif ingħad aktar kmieni f’din l-intervista, ser tkun qed issaħħaħ ir-rwol tar-regolatur, tnaqqas il-burokraziji, taddotta mod ta’ kif taħdem li jkun ‘risk based’ u li tinkorpora l-liġijiet kollha relatati mal-gaming taħt liġi waħda.

Din il-ħidma ser twassal biex l-awtorità tkun lesta għall-isfidi tal-futur. Ħidma oħra li qed tħalli impatt dirett fuq l-MGA hija t-traspożizzjoni fil-liġi tar-raba’ direttiva kontra l-ħasil tal-flus. L-Awtorità qed taħdem mal-awtoritajiet rispettivi biex tassigura li jkun hemm implimentazzjoni konsistenti u proporzjonata tal-proviżjonijiet ta’ din id-direttiva fil-liġi Maltija.

L-awtorità qed taħdem ukoll fuq l-iniżjattiva li permezz tagħha ser ikun qed jitwaqqaf l-istitut Ewropew tal-Gaming f’Malta fejn flimkien mal-MCAST ser ikun imniedi proġett li permezz tiegħu, l-MCAST ser tkun qed tiżviluppa korsijiet relatati ma’ din l-industrija f’karrieri li fihom hemm nuqqas ta’ ħiliet fis-sitwazzjoni preżenti. Dan huwa wieħed mill-proġetti li ser ikun qed iwassal għal tkabbir fl-ekonomija diġitali ta’ pajjiżna.

X’qed nistennew bl-introduzzjoni tal-Blockchain?

Għall-benefiċċju tal-qarrejja li jisimgħu ħafna bil-kelma ‘blockchain’ – tajjeb li nispjegaw x’inhi din il-blockchain. It-teknoloġija ta’ blockchain hija sistema ta’ database, fejn tinżamm l-informazzjoni permezz ta’ programmi apposta. Permezz ta’ din it-teknoloġija jistgħu jkunu mħaffa proċessi bħal: l-esekuzzjoni, l-infurzar u l-verifika ta’ kuntratti, isiru ħlasijiet bejn bankijiet differenti, verifika ta’ invoices kummerċjali u anke jinżammu rekords ta’ awditjar li jgħinu sabiex tiħrax il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

Dan flimkien ma’ ħafna aktar. Din it-teknoloġija li dwarha pajjiżna saħanisitra se jkun wieħed pijunier biex ikollu anke back-end information, jew analytics, informazzjoni li tagħti informazzjoni fuq min qed jagħmel użu mit-teknoloġija, se tkun qed tgħin ukoll sabiex ikunu intraċċati l-ħtiġijiet tal-klijenti, ikunu maqbuda anomaliji fit-tranżazzjonijiet finanzjarji u jkun hemm preparamenti għal dak li jkun qed jiġri fis-suq. Dan huwa dak li qed naħdmu għalih, pajjiż pijunier mhux fir-reġjun jew kontinent tagħna iżda fuq binarju globali.

Il-Blockchain se tintuża f’setturi oħra bħas-Saħħa, l-Edukazzjoni u l-Qorti?

Malta diġà ffirmat Memorandum of Understanding fil-qasam tal-edukazzjoni sabiex permezz tat-teknoloġija blockchain biex jibdew jiġu notarizzati ċ-ċertifikati akkademiċi. Konna l-ewwel pajjiż fid-dinja li għamilna dan. Dan bħala parti mill-viżjoni tal-Gvern dwar din it-teknoloġija sabiex iżid l-effiċjenza u t-trasparenza f’diversi oqsma u servizzi mogħtija mis-settur pubbliku.

Meta l-kredenzjali edukattivi jiġu notarizzati fuq il-blockchain, l-utent ser jikseb il-proprjetà totali kif ukoll il-portabbilità tal-istess kredenzjali, fil-preżent u l-futur. Hemm interess globali fuq dan il-proġett hekk kif ukoll l-Unjoni Ewropea elenkat il-proġett f’Malta f’rapport li għandu joħroġ fi ftit ġimgħat oħra.

Għalkemm hemm pajjiżi bħall-Olanda u l-Estonja li ħejjew ċentri ta’ riċerka u partnerships mas-settur privat biex janalizzaw kif il-blockchain tista’ twassal għal tibdil għall-benefiċċju tal-partijiet interessati fil-qasam tal-edukazzjoni, Malta hija l-ewwel pajjiż li ser tkun qed toħroġ certifikati notarizzati fuq il-blockchain kif ukoll b’mezz tradizzjonali tal-karta. L-ewwel ċertifikati għandhom jiġu maħruġa qabel l-aħħar tas-sena. Bħala pajjiż ovvjament se nkunu qed nesploraw aktar setturi fejn tista’ tiġi użata din it-teknoloġija.

Il-Gvern kif qed jirnexxilu jattira u jespandi setturi relatati bħalma huma l-Fintech?

Il-viżjoni tagħna bħala pajjiż hija dik li nkunu Ċentru ta’ Eċċelenza fil-qasam tal-Fintech. Iridu nagħmlu dan għax iridu li ntejjbu l-ħajja tan-nies billi nipprovdu l-aħjar servizzi, iridu li jkun hemm aktar opportunitajiet li jwasslu għal aktar impjiegi, iridu nżidu l-effiċjenza. Dan kollu qed isarraf f’aktar fiduċja anke f’din l-industrija.

Minkejja dan l-interess iżda, il-Gvern se jkun qed iħabbar fil-qrib task force oħra għal dan il-qasam kif ukoll għal qasam tar-regtech biex ikunu attirati lejn Malta kumpaniji ta’ din ix-xorta. Din hija Malta li qed tlesti għall-futur u għall-ġenerazzjonijiet li jmiss.

More in Politika