Tal-kawżi ġusti jingħataw medalja mill-awditur ġenerali

Rapport tal-Awditur Ġenerali jinnota titjib kbir

Rockestra waħda mill-inizjattivi li ngħatat appoġġ mill-Fond għall-Kawżi Ġusti
Rockestra waħda mill-inizjattivi li ngħatat appoġġ mill-Fond għall-Kawżi Ġusti

L-Awditur Ġenerali ddikjara li l-Fond għall-Kawżi Ġusti kif inhu amministrat illum hu ferm aħjar u iktar b’saħħtu minn kif kien amministrat fl-2013. Dan il-fond kien dejjem riżultat ta’ kontroversja politika bil-politiċi ġieli kienu akkużati li jużawh biex jixtru l-voti. Però jidher li din is-sitwazzjoni nbidlet wara rapport li l-Awditur Ġenerali stess kien għamel ftit tas-snin ilu.

Għalkemm f’rapport meqjus bħala follow up l-Awditur Ġenerali mmarka punti fejn għad jista’ jkun hemm titjib kien ċar li meta qabbel dak li sab illum ma’ dak li sab f’rapport tal-2013 sab bidla għall-aħjar. Saħansitra fil-konklużjonijiet tiegħu qal: “L-Awditur Ġenerali jinnota li kien hemm progress sinjifikanti wara l-investigazzjoni tal-2013.”

Dik is-sena l-Awditur Ġenerali kien iddikjara b’mod ċar kif kien hemm impenji li biex il-fond seta’ jżomm magħhom kellu anke juża l-flus tas-snin ta’ wara biex finanzjarjament il-Fond għall-Kawżi Ġusti kien fi kriżi.

Ftit ftit is-sitwazzjoni inbidlet. L-impenji li sal-bidu ta’ din is-sena kien daħal għalihom il-Fond u kienu għadhom ma tħallsux kienu jlaħħqu l-€1,093,724. Dan meta fil-Fond kien hemm bilanċ ta’ €2,270.682.

Il-fond idaħħal madwar €1.6 miljun fis-sena. Fl-2016, €976,463 ddaħlu minn taxxi fuq il-logħob u €617,674 minn premijiet tal-lottu mhux miġbura.

Mir-rapport tal-Awditur Ġenerali jirriżulta li n-numru ta’ applikazzjonijiet li tressqu fl-2016 kienu jlaħqu t-92. Minn dawn it-92 applikazzjoni kien hemm 16-il proġett li ngħataw finanzjament sħiħ, 28 ingħataw finanzjament parzjali. 20 applikazzjoni kellhom ikunu evalwati mill-ġdid fuq talba ta’ iktar informazzjoni u proġett li kien marbut mal-ħarsien tal-annimali ntbagħat lid-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali. Kien hemm 27 applikazzjoni fejn kien miċħud il-finanzjament.

Jirriżulta li l-Fond għall-Kawżi Ġusti jappoġġja inizjattiva annwali tal-Malta Community Chest Fund li huma Rockestra, il-ġirja tal-President u l-Istrina li bejniethom jieħdu €60,000.

L-Awditur jinnota li għalkemm l-għan hu wieħed tajjeb dawn jaqbżu r-rakkomandazzjoni li ma jkunx hemm għotjiet ta’ iktar minn €50,000 lill-istess organizazzjoni u għalhekk appella biex ikun hemm reviżjoni fil-linji gwida.

Dan fl-istess ħin li l-Awditur Ġenerali nnota lil fil-maġġoranza assoluta tal-każi l-linji gwida kienu qed jiġu rispettati. Anke d-Dar tal-Providenza tgawdi minn għotja annwali. F’dan il-każ ta’ €25,000.

Għajnuna sostanzjali toħodha wkoll il-Malta Aviation Society biex tkun organizzata l-Airshow ta’ kull sena.

U l-Awditur Ġenerali nnota kif għajnuna daqshekk sostanzjali ta’ kull sena wkoll titlob bidla fir-regoli dan mingħajr ma daħal fil-mertu ta’ jekk hix kawża ġusta jew le. Xi ħaġa li żgur iweġbuha b’mod pożittiv id-dilettanti tal-ajruplani li jgħidu li l-air show ta’ kull sena mingħajr din l-għajnuna ma ssirx.

Għalkemm ir-residenti fl-akwata ta’ fejn itiru l-ajruplani jaf jaħsbuha differenti.

More in Politika