Il-kannabis medika se tibda tingħata mit-tobba

Se jitressqu proposti biex il-mediċini bil-kannabis jibdew jiġu manifatturati f'Malta

B’emendi li se jitressqu fil-liġi, it-tobba se jkunu jistgħu l-kannabis medika lill-pazjenti tagħhom, mingħajr il-ħtieġa li jmorru għand speċjalista.

Dan hekk kif fil-ġranet li ġejjin, il-Parlament se jiddiskuti l-leġiżlazzjoni tal-użu mediku tal-kannabis.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li se jkun qed iressaq emendi għall-Att dwar id-Dipendenza fuq id-Droga tal-2015 għaliex fil-prattika l-liġi kellha ħafna burokrazija u kien hemm ħafna li ma kellhomx aċċess għall-kannabis mediċinali.

Il-prodotti mediċinali li t-tobba se jkunu jistgħu jibdew jagħtu lill-pazjenti tagħhom se jkunu provduti minn spiżeriji bl-użu ta’ control card.

Matul il-leġiżlatura li għaddiet, il-Gvern kien introduċa l-liġi dwar l-użu tal-kannabis mediċinali. Il-professjonisti mediċi iżda kienu qed jilmentaw li setgħu jippreskrivu biss dawk li kienu rreġistrati fl-Att dwar il-Mediċini.

Il-liġi tispeċifika li kull mediċina trid tkun approvata mill-awtoritajiet lokali jew minn dik tal-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru Fearne qal li se jitressqu proposti biex jibdew jiġu manifatturati mediċini bil-kannabis f’Malta hekk kif fil-preżent, l-importazzjoni tal-kannabis medika qed issir biss minn importaturi liċenzjati.

More in Politika