Il-PL u l-AD jaqblu fuq il-ħtieġa ta’ Konvenzjoni Kostituzzjonali

Joseph Muscat qal li l-ħsieb tal-Partit Laburista huwa li l-konvenzjoni tkun tinvolvi firxa wiesgħa tas-soċjetà.

Waqt laqgħa bejn delegazzjonijiet tal-Partit Laburista u tal-Alternattiva Demokratika, il-Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat tkellem fuq l-impenn tal-Gvern li ssir il-Konvenzjoni Kostituzzjonali.

Qal li kien ta’ dispjaċir għalih li din il-konvenzjoni ma saritx matul il-legiżlatura li għaddiet.

Joseph Muscat qal li l-ħsieb tal-Partit Laburista huwa li l-konvenzjoni tkun tinvolvi firxa wiesgħa tas-soċjetà.

Id-delegazzjoni tal-Alternattiva Demokratika mmexxija minn Carmel Cacopardo għamlet referenza għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u kif żviluppa klima politiku li ġie deskritt bħala preokkupanti.

Cacopardo qal li li noqogħdu nippuntaw subgħajna lil xulxin se twassal għal ħsara internazzjonali fuq ir-reputazzjoni ta’ Malta.

Joseph Muscat qal li filwaqt li jinnota l-kummenti dwar l-Istituzzjonijiet, ra li l-Alternattiva kienet kritika tal-Gvern iżda kienet ukoll meqjusa fil-kritika tagħha.

Cacopardo sostna li huwa aktar għaqli u fl-interess tal-pajjiż li d-diffikultajiet li qed niffaċċjaw niddiskutuhom madwar mejda.

Il-Mexxej Laburista qabel li l-kritika m’għandhix tkun li timmina l-istituzzjonijiet.

Il-laqgħa saret fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fuq talba tal-Alternattiva Demokratika wara li l-ġimgħa li għaddiet saret laqgħa mal-Partit Nazzjonalista fid-Dar Ċentrali.

More in Politika