Filmat | Iffirmat ftehim kollettiv bejn l-Air Malta u l-Assoċjazzjoni tal-Inġiniera

L-impjegati kollha se jaraw żieda ta’ 19% fil-pagi, li se tkun mifruxa fuq ħames snin

Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

L-Assoċjazzjoni tal-Inġiniera tal-Ajru (AAE) iffirmat ftehim kollettiv mal-Air Malta dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-inginiera għall-ħames snin li ġejjin.

L-impjegati kollha se jaraw żieda ta’ 19% fil-pagi, li se tkun mifruxa fuq ħames snin. Dan ifisser investiment ta’ €16-il miljun.

 

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi sostna li dan il-ftehim se jsaħħaħ l-istabbilità.

Qal li l-manutenzjoni tal-ajruplani se tibqa’ parti integrali fil-ħidma tal-Air Malta, u b’hekk il-linja tal-ajru tkun tista’ tibqa’ żżomm ir-rekord pożittiv tal-puntwalità tat-titjiriet.

Konrad Mizzi sostna li l-linja nazzjonali tal-ajru issa qed tħares lejn is-sena d-dieħla bħala waħda li se tipprovdi t-tkabbir meħtieġ, li jkun ifisser li l-ispejjeż jinfirxu fuq pjanijiet diversi bi tnaqqis fl-ispejjeż tat-titjiriet.

Il-Ministru Mizzi qal li l-Air Malta se tkun qed iżżid 1,400 titjira fl-iskeda tas-sena d-dieħla u li ajruplan ieħor Boeing A320 se jingħaqad mal-flotta minn April li ġej. Se jsir studju dwar il-possibilità li jintużaw ajruplan iżgħar fuq rotot qosra.

Min-naħa tiegħu, ċ-Chairman tal-Air Malta ddeskriva dan il-ftehim bħala wieħed li juri kif il-linja tal-ajru għandha għal qalbha l-ħaddiema tagħha.

Qal li filwaqt li għad hemm l-isfidi, l-Air Malta qed tara li tipprovdi lill-ħaddiema bl-opportunitajiet.

More in Politika