Il-Qorti ma laqgħetx it-talba ta' Gordon Manchè biex il-programm Min Imissu jitwaqqaf hekk kif Manchè ħassu inġurjat minħabba karattru partikolari. Fil-fatt Manchè, li jmexxi ir-River of Love u li kien f'nofs diversi kontroversji minħabba il-veduti tiegħu fuq l-omosesswalità, jidher li ħassu inġurjat minħabba l-karattru ta' Jordan. Dan il-karattru, jgħid l-Imħallef Anthony Ellul huwa karikatura ta' Manchè u qed iwaqqa għaċ-ċajt lil Manchè.
Minkejja li l-Imġħallef jirrikonoxxi dan il-fatt, ikompli jgħid ukoll fis-sentenza tiegħu li, “kull individwu għandu dritt għad-dinjita u l-unur tiegħu. Min-naħa l-oħra jeżisti d-dritt tal-libertà tal-espressjoni. Hemm ukoll il-ħtieġa li wieħed jirrispetta l-abilitajiet kreattivi ta’ haddiehor u l-kontribut siewi li l-kummiedja taghmel lis-soċjetà. Li wieħed jidħaq hi l-aħjar mediċina.”
Il-Qorti kompliet tgħid li "ovvjament ir-rikorrent għandu kull dritt għat-twemmin tiegħu. Pero’ li jiġi kkritikat b’satira, il-Qorti ma tistax tara fejn hi l-ħtiega li jinħareġ mandat ta’ inibizzjoni.”