It-taraġ fi Pjazza San Franġisk f'Għawdex diġà ġie jiswa €1,250,000

Dan meta għad fadal aktar xogħlijiet li għad iridu jsiru

Ikkonfermata l-istorja li kienet żvelat l-ILLUM li t-taraġ fi Pjazza San Franġisk fir-Rabat Għawdex diġà ġie jiswa €1,250,000.

Dan joħroġ minn tweġiba li l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana tat għall-mistoqsija parlamentari tad-deputat Chris Said.

Il-Ministru Caruana kkonfermat li għall-espropjazzjoni tal-art tħallset is-somma ta’ €717,500 u l-ispiża għax-xogħol ta’ kostruzzjoni ġiet tammonta għal €326,770.

Justyne Caruana wieġbet li s-sejħa għall-offerti għax-xogħol ta’ inġinerija elettrika u mekkanika nħarġet u ngħatat għal valur ta’ €202,111, filwaqt li l-offerta tal-‘finishes’ se terġa tinħareġ minħabba li l-uniku kuntrattur li kellu l-offerta ‘within budget’ ġie skwalifikat.

Il-Ministru għal Għawdex qalet li l-perjodu tat-tkomplija jiddependi mill-eżitu tas-sejħa għall-offerti għax-xogħol ta’ ‘finishes’ li se tinħareġ mill-ġdid.

L-ILLUM kienet żvelat kif il-Franġsikani Konventwali fir-Rabat Għawdex kienu se jirċievu s-somma ta’ aktar minn €700,000 fi flus għal din l-espropjazzjoni ta’ biċċa art għat-taraġ li l-Gvern kien iddeċieda li jibni bħala parti mill-proġett fl-inħawi, li tgħaqqad il-venda tal-linja mal-pjazza.

L-art espropjata hija kbira 574 metru kwadru.

L-ILLUM kienet staqsiet lil Ministru għal Għawdex ta’ dak iż-żmien Anton Refalo biex jiġġustifika din l-ispiża fuq taraġ, bit-tweġiba tkun li dan se jkollu jsir ‘biex jitneħħa l-periklu eżistenti bl-aċċess dejjaq li hemm biex wieħed jidħol fi Pjazza San Franġisk minn Triq Putirjal.’

Apparti t-taraġ il-proġett se jinkludi t-tisbieħ taż-żona fejn hemm il-venda, kif ukoll ta’ Pjazza San Franġisk.

F’kummenti fil-mezzi soċjali, id-Deputat Nazzjonalista Chris Said qal li dan il-proġett sa issa ġie jiswa €1,250,000.

Qal fadal ħafna xogħol li għad irid isir u li m’hemmx data meta se jkun lest, għalkemm ix-xogħlijiet ilhom għaddejjin sentejn. 

More in Politika