‘L-aċċess baqa’ limitat minħabba l-istigma’

L-ILLUM titkellem mat-Tabib Andrew Agius mill-Pain Clinic dwar l-aċċess ta’ mediċini li għandhom il-kannabis

Din il-ġimgħa l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar illi l-Gvern se jkun qed iressaq emendi għal-leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-kannabis mediċinali, li daħħlet fis-seħħ fl-2015.

L-emendi għandhom l-għan li din it-tip ta’ mediċina tkun aktar aċċessibbli, hekk kif l-istess Ministru Fearne spjega kif s’issa l-aċċessibilità ta’ din il-mediċina għadha waħda ristretta ħafna. Fil-fatt permezz ta’ dawn l-emendi issa kull tabib reġistrat se jkun jista’ jippreskrivi dawn it-tip ta’ mediċini.

L-ILLUM tkellemet mat-tabib Andrew Agius, li jopera fil-Pain Clinic, dwar l-aċċessibilità ta’ dawn it-tip ta’ mediċinali, l-effettività tagħhom fil-kura ta’ ċertu mard, kif ukoll l-għażla tat-tabib li jiddeċiedi li ma jippreskirivix mediċina li jkollha l-kannabis bħala l-bażi tagħha.
Agius filfatt ikkonferma r-raġuni wara l-emendi li se jkun qed iressaq il-Gvern. “Preżentament ma jeżisti xejn li tista’ tixtri b’riċetta minn spiżerija. Li jeżisti,” jgħid Agius huwa “sfortunatament ħafna żjut CBD li tixtri mill-internet jew permezz ta’ email jew inkella l-pjanta tal-kannabis, li qed tinxtara mill-black market.”

Iż-żjut CBD huma tip ta’ żjut differenti mill-marijuana medika, għax għandhom konċentrazzjoni inqas ta’ tetrahydrocannabinol (THC). Fil-fatt dawn it-tip ta’ żjut ġeneralment ikollhom THC li huwa mat-30 darba inqas b’saħħitha milli fil-marijuana.  

"Preżentament ma jeżisti xejn li tista’ tixtri b’riċetta minn spiżerija. Li jeżisti" Andrew Agius

L-ILLUM staqsiet lil Agius x’inhuma l-effetti ta’ mediċini li jkollhom bażi ta’ kannabis, jekk hux effett li jfejjaq jew inkella hux effett ta’ traqqid tal-uġigħ. “Meta nużaw il-kannabis dan itaffi l-uġigħ fiżiku u anke psikoloġiku tal-pazjent. Dan għaliex din it-tip ta’ mediċina taffetwa l-psikoloġija tal-persuna li jgħin fil-proċess tal-fejqan,” saħaq Agius li kompla jgħid illi din it-tip ta’ mediċina tista’ saħansitra tnaqqas jew telimina d-dipendenza tal-pazjent fuq il-mediċina.

“Il-mediċina ta’ dan it-tip titsa’ tgħin jekk ikun hemm uġigħ minn minn infjammazzjoni biex dan l-uġigħ jonqos  bil-mod u b’hekk il-pazjent ikun jista’ eventwalment jieqaf milli jieħu l-mediċina, u ma jibqax muġugħ.”

Din il-gazzetta staqsiet lit-tabib allura xij kun l-effett tal-użu ta’ dawn it-tip ta’ mediċinali fuq il-pazjenti, b’Agius jispjega kif dawk li verament ikollhom bżonn din it-tip ta’ mediċina sforz nuqqas ta’ ċerti kimiċi fil-ġisem “jagħmlu trasformazzjoni kbira ħafna u jaraw titjib qawwi fil-kwalità tal-ħajja tagħhom.

Dawn filli ma jkunu jistgħu jagħmlu xejn filli wħud ġieli jerġgħu jibdew imorru x-xogħol, prattikament jerġgħu jieħdu ħajjithom lura.”

Allura jekk din it-tip ta’ mediċina, li għandha l-kannabis bħala parti mill-bażi tagħha hija daqstant ta’ benefiċċju kif qed jispjega Agius, għalfejn l-aċċess għadu limitat tant li kif diġà spjega hemm min qed ikun kostrett jixtri mill-internet. “L-aċċess baqa’ limitat minħabba l-stigma li għandha l-kannabis,” jibda jispjega Agius.

“Meta wieħed isemmiha l-ewwel ħsieb dejjem ikun f’dik id-droga li sussegwentement twassal għat-teħid ta’ drogi oħrajn. Allura, minħabba dan u minħabba li għadha meqjusa minn ħafna bħala perikoluża għad ma kienx hemm permess għal iktar riċerka u b’hekk l-informazzjoni dwar din it-tip ta’ mediċina tibqa’ limitata.”

Finalment l-ILLUM tistaqsi lit-tabib Agius jekk jemminx li tabib kwalunkwe għandu dritt li ma jippreskrivix mediċina ta’ dan it-tip bir-risposta tkun fil-pożittiv. “Il-kannabis bħal kull mediċina oħra għandha side effects. Jekk tabib ma jkunx informat biżżejjed jew iħossu mhux infurmat biżżejjed dwar l-effetti li tista’ tikkaġuna din it-tip ta’ mediċina, mela iva għandu kull dritt li ma jippreskrivihiex lill-pazjent, għax wara kollox ir-responsabilità dejjem se taqa’ fuqu.”

L-effetti pożittivi tal-Marijuana

  • Skont in-National Eye Insitute tal-Istati Uniti l-użu tal-marijuana jista’ jnaqqas il-pressjoni fl-għajnejn u allura titratta l-Glaucoma
  • Kuntrarjament għat-tipjip ma tagħmilx daqstant ħsara lill-pulmun. Wasal għal din il-konklużjoni l-American Medical Association.
  • Robert De Lorenzo mill-Università tal-Commonwealth ta’ Virginia ta l-marijuana sintetika u estratt tal-pjanta marijuana lill-ġrieden li jbatu bl-epilessija. Din ħelsithom minn l-effetti tal-epilessija għal 10 sigħat. It-THC tikkontrolla kemm persuna teċita ruħha u r-rilassament u allura tista’ taħdem kontra l-epilessija.
  • Skont iċ-Ċentru Mediku tal-California Pacific il-kannabis tista’ twaqqaf tumur milli jinfirex aktar hekk kif twaqqaf il-ġene Id-1
  • Skont l-Iskola Medika ta’ Harvard doża baxxa tista’ twassal għal inqas ansjetà u titjib fil-burdata.
  • Pazjenti li jbatu mill-Multiple Sclerosis naqsilhom l-uġigħ wara li għamlu użu mill-marijuana, anke jekk ma rrispondew għall-ebda trattament ieħor.

L-effetti negattivi (side effects)  tal-Marijunana

  • Tbiddel is-sensi u tista’ twassal għal diżorjentazzjoni jew sturdament
  • Tista’ twassal biex tnaqqas jew tikkalma l-moviment tal-ġisem
  • Tista’ twassal għal nuqqas ta’ memorja
  • Żieda fir-rata li biha tħabbat il-qalb
  • Tista’ twassal għal ansjetà u paranoia

More in Politika