F’għeluq is-70 sena minn meta n-nisa ngħataw id-dritt tal-vot f’Malta, il-Ministeru għall-Ugwaljanza waqqaf Kunsill għad-Drittijiet tan-Nisa.
Dan il-Kunsill se jservi biex jissaħħaħ id-djalogu dirett bejn il-Gvern u s-soċjetà ċivili f’dan il-qasam. Il-Kunsill se jkun magħmul minn rappreżentanti tal-għaqdiet reġistrati li jaħdmu għad-drittijiet tan-nisa.
Waqt it-tnedija tal-Kunsill għad-Drittijiet tan-Nisa, il-Ministru Helena Dalli qalet li għad għandna defiċit kbir ta’ nisa fil-parlament u l-impenn biex jidħlu fis-seħħ kwoti għan-nisa fil-parlament matul din il-leġiżlatura.
Il-Ministru Dalli qalet li jeħtieġ li titjieb il-possibbiltà li n-nisa jilħqu l-potenzjal tagħhom fis-soċjetà u li jkollhom l-indipendenza finanzjarja. Qalet li għalhekk tressqet il-liġi kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika.
Aktar tard mistenni li tiġi ntrodotta il-liġi dwar l-ugwaljanza u tissaħħaħ l-istituzzjoni li tħares l-ugwaljanza u drittijiet tal-bniedem fil-pajjiz.
Mit-twaqqif tiegħu l-Kunsill għad-Drittijiet tan-Nisa se jkollu 23 rappreżentant fih, b’kull għaqda li tixtieq tifforma parti mill-kunsill tista’ tagħmel talba sabiex tiġi nkluża fid-diskussjonijiet.