Fearne jinnota rapport pożittiv dwar il-qasam tas-saħħa f'Malta

  •  27% tal-imwiet f’pajjiżna huma kawża tal-kanċer
  • Tnaqqis sostanzjali fl-imwiet ikkaġunati mill-kanċer tas-sider
  • kien hemm titjib ukoll fir-rati ta’ fejqan tal-kanċer tal-ġilda

It-titjib li sar fil-qasam tas-saħħa ta’ pajjiżna fl-aħħar snin ġie rikonoxxut minn rapport Ewropew li analizza l-istat tal-qasam tas-saħħa fl-istati tal-Unjoni Ewropea, fakkar il-Gvern fi stqarrija maħruġa aktar kmieni.

Skont il-Country Health Profile 2017, il-Maltin għandhom stennija tal-għomor (life expectancy) tajba ħafna, tant li Malti jgħix 90% tas-snin ta’ ħajtu fi stat ta’ saħħa tajjeb. L-istennija tal-għomor f’pajjiżna hija wkoll ogħla mill-medja Ewropea. Fil-fatt, f’Malta l-istennija tal-għomor hija 81.9 sena, filwaqt li l-medja Ewropea hija 80.6 sena.

Ir-rapport innota li l-ispiża f’dan il-qasam dejjem qed togħla, u li fl-aħħar mill-aħħar dan qed iwassal biex ikollna aktar servizzi tas-saħħa. Ir-rapport tkellem ukoll fuq l-aċċessibilità li l-Maltin għandhom għas-servizzi tas-saħħa. 

Dwar dan ir-rapport, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li huwa rapport inkoraġġanti li juri li f’dan is-settur ninsabu mixjin fid-direzzjoni t-tajba. Id-Deputat Prim Ministru kompla billi stqarr li “d-differenza li l-poplu qiegħed jara meta jaċċessa s-servizzi tas-saħħa qed tiġi riflessa wkoll f’rapport Ewropew. Dan kollu jimlina b’kurraġġ biex nibqgħu naħdmu u nwettqu d-differenza li kien hemm bżonn f’dan is-settur.”

Ir-rapport innota wkoll li qed jonqsu l-imwiet kawża ta’ mard relatat ma’ problemi kardjovaskulari kif ukoll kawża ta’ ċertu tipi ta’ kanċer. Ir-rapport jgħid li 27% tal-imwiet f’pajjiżna huma kawża tal-kanċer, iżda fl-aħħar snin kien hemm tnaqqis sostanzjali fl-imwiet ikkaġunati mill-kanċer tas-sider; kien hemm titjib ukoll fir-rati ta’ fejqan tal-kanċer tal-ġilda (melanoma), fil-kanċer tal-prostata, u l-kanċer tat-thyroid fost oħrajn.

Filwaqt li r-rapport isemmi li l-ammont ta’ persuni li jpejpu f’pajjiżna qiegħed ta’ kull sena jonqos, isemmi wkoll li l-obeżità għadha problema maġġuri. Ir-rapport ifaħħar ukoll l-inizjattivi li ħa l-Gvern f’dan is-settur, fosthom il-kampanja msejħa ‘Piż Tajjeb Tul Ħajtek’.

Ir-rapport semma wkoll il-mod kif ġie mnaqqas il-ħin ta’ stennija għal diversi interventi u testijiet mediċi fl-aħħar snin, filwaqt li issemmew ukoll inizjattivi bħal operazzjonijiet ta’ nhar ta’ Ħadd u inizjattivi mas-settur privat. Ġie enfasizzat ukoll il-Pjan Nazzjonali tal-Kanċer li ġie introdott fl-aħħar xhur u li jwiegħed li aktar mediċini tal-kanċer se jidħlu fuq il-formularju tal-Gvern.

Anness mal-istess rapport kien hemm ir-rapport Health at a Glance 2016 li kif żvela dan is-sit juri li Malta għandha l-ogħla inċidenza ta' Syphillis fl-UE kollha

More in Politika