Adrian Delia jitlob lill-PM jagħti l-protezzjoni lil Ferris

Dan wara li Jonathan Ferris qal mal-midja li kien hemm indħil Ministerjali fl-investigazzjonijiet li kien qed jagħmel

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia bagħat ittra lill-Prim Ministru Joseph Muscat fejn talbu jipprovdi l-protezzjoni lill-eksimpjegat tal-FIAU Jonathan Ferris u l-familja tiegħu.

Delia qed jagħmel din it-talba wara li Ferris stqarr mal-midja li kien hemm indħil Ministerjali mill-Ministru Carmelo Abela meta dan kien responsabbli mill-Intern.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Abela ċaħad li qatt xi darba għamel pressjoni jew li ndaħal fl-investigazzjonijiet li kien qed jagħmel Ferris.

Adrian Delia diġà  talab għar-riżenja tal-Ministru Carmelo Abela u sostna li jekk din ir-riżenja ma tasalx ir-responsabbilità  taqa’ fuq il-Prim Ministru.

Fi stqarrija, l-Partit Laburista sostna li jekk kien hemm każ li twaqqaf minn politiku kien dak dwar il-Capital One.

L-istqarrija tgħid li meta isem Beppe Fenech Adami deher fl-investigazzjonijiet, dawn kienu waqfu. Il-Partit Laburista qal li Adrian Delia kellu l-ewwel jgħid li kien se jneħħi li Fenech Adami imbagħad ikun f’pożizzjoni li jitkellem.

Fi stqarrija oħra, il-Gvern saħaq li l-awtoritajiet ma qagħdux jistennew biex jieħdu l-passi meħtieġa biex Ferris iħoss li għandu l-protezzjoni kollha. Intqal li Ferris stess mal-midja qal li kien il-Kummissarju tal-Pulizija li ċempillu personalment biex itih din il-protezzjoni.

More in Politika