Il-Kummissjoni Ewropea ħabbret regoli ġodda kontra l-frodi relatati mal-VAT. Dawn ir-regoli ġodda huma immirati li jsaħħu l-fiduċja bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea biex jaqsmu l-informazzjoni u tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-Awtoritajiet Nazzjonali u l-infurzar tal-liġijiet.
Il-Kummissarju Ewropew għall-Ekonomija u l-Finanzi Pierre Moscovici u l-Viċi President għad-Djalogu Soċjali Valdis Dombrovskis ħabbru li permezz ta’ dawn ir-regoli ġodda, se jkun possibbli l-informazzjoni titqassam minn pajjiż għall-ieħor fi ftit minuti.
Dan permezz ta’ sistema onlajn tal-informazzjoni li se tippermetti l-pajjiżi membri tal-Unjoni jkunu jistgħu jipproċessaw, janalizzaw u jwettqu awditjar malajar ta’ attivitajiet finanzjarji li jqisu li jkunu riskjużi.
Moscovici u Dombrovskis ħabbru li se jkun possibbli l-uffiċjali minn żewġ Awtoritajiet Nazzjonali jew aktar jagħmlu awditjar konġunt tal-informazzjoni miġbura. Se jkun possibbli wkoll li l-informazzjoni miġbura tiġi mqabbla mal-Awtoritajiet Ewropej bħall-OLAF, il-EUROPOL u l-EPPO għar-rekords kriminali u b’hekk jitkissru aktar malajr ċrieki kriminali.
Bir-regoli l-ġodda mħabbra, informazzjoni dwar oġġetti li jgħaddu mid-Dwana ta’ pajjiż b’destinazzjoni lejn pajjiż ieħor se tkun aċċessibbli għall-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropea. Iddaħħlu wkoll regolamenti ġodda li huma relatati mar-reġistrazzjoni tal-karozzi.
Il-Kummissarju Mosoviċi qal li l-Paradise Papers urew li jeżistu skemi li qed jintużaw għall-evażjoni tat-taxxa u biex jinqabżu r-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar tassazzjoni ġusta. Qal li rapporti oħra wrew li dawn l-iskemi jistgħu jintużaw biex jiġu finanzjati organizzazzjonijiet kriminali.
Estimi juru li kull sena l-Unjoni Ewropea qed titlef dħul ta’ aktar minn €50 biljun minħabba frodi fil-VAT. Dawn il-proposti issa se jitressqu quddiem il-Parlament Ewropew għall-konsultazzjoni u l-Kunsill Ewropew biex jidħlu fis-seħħ.