Dalgħodu l-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar qam għal riżenja oħra, din id-darba tal-Kunsillier tal-Partit Laburista Matthew Barbara. Dan is-sit jinsab infurmat li fl-aħħar siegħat Barbara informa lill-Kunsill bir-riżenja tiegħu.
Ta' Barbara allura se tkun ir-raba' riżenja mill-Kunsill jew fil-Kunsill ta' San Pawl il-Baħar u dan hekk kif iktar kmieni din is-sena irreżenja il-Viċi Sindku David Thake. Thake indika bl-aktar mod ċar li hu rriżenja għax ma jridx jibqa' jirrapreżenta lill-PN b'Adrian Delia bħala Kap. Fl-aħħar ġimgħat kien hemm żewġ riżenji oħrajn, dik ta' Joseph Vella u ta' Robert Piscopo. Kemm Vella u anke Piscopo irreżenjaw biss minn Kunsilliera tal-PN u baqgħu Kunsillieri indipendenti. Huma indikaw nuqqas serju ta' qbil mas-Sindku Graziella Galea bħala r-raġuni għar-riżenja tagħhom mill-PN.
Intant mhux magħruf għalfejn irreżenja Barbara, għalkemm sorsi li tkellmu mal-illum.com.mt sostnew illi dan ma tantx kien jersaq għall-laqgħat tal-Kunsill.
Intant, jidher illi l-mozzjoni ta' sfiduċja fis-Sindku Graziella Galea għadha 'mdendla', hekk kif il-Partit Laburista ma tantx jidher li għandu xi għaġġla partikolari biex iressaq tali mozzjoni li kollox jidher illi kieku issir, tgħaddi, u allura jieħu l-Kunsill lura f'idejh. Dawk li tkellmu ma' dan is-sit qalu illi l-Kunsilliera Laburisti jippreferu li jkunu jew Piscopo jew inkella Vella, jew xi ħadd mill-PN li jressaq tali riżenja.
Fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, San Pawl il-Baħar, li jinkludi fih Buġibba, l-Qawra, San Pawl il-Baħar, Burmarrad, il-Wardija u x-Xemxija, hija l-lokalità bl-inqas rata ta' nies li joħorġu jivvutaw.