'Joseph Muscat, ħammart wiċċ Malta...il-ħabs mimli nies u l-klikka tiegħek ħelsitha'
Antonio Di Pietro, il-Maġistrat tal-Mani Pulite, jgħid li l-qtil ta' DCG huwa sinjal delikat għall-pajjiżna...Miriam Galea takkuża lill-PM illi huwa bully
minn Albert Gauci Cunningham
F'diskors b'saħħtu u fl-istess ħin kritiku ħafna tal-Prim Ministru Joseph Muscat, Miriam Galea, Membru tas-Civil Society Network, sostniet li Muscat ħammar wiċċ pajjiżna. "Stajt tibqa’ mfakkar bħala l-Prim Ministru li jġib l-għaqda u t-trasparenza imma minflok għażilt li tħammar wiċċ Malta u l-verità ma tistax tahrab minnha," widdbet Galea, "rebħa mhux se taħbi l-ħmieġ."
Galea kienet qed titkellem waqt dimostrazzjoni organizzata mis-Civil Society Network il-Belt Valletta. Mat-taqtir tax-xita, Galea sostniet li filwaqt li l-ħabs huwa mimli ċittadini qed jiskontaw sentenza, 'int (Muscat) u l-klikka tegħek ħelsitha ħafif mill-korruzzjoni.'
Galea akkużat lil Muscat illi huwa bniedem ta' żewġt'uċuh, 'quddiem l-Ewropej jilbes maskra solenni, imma imbagħad għandu l-wiċċ l-ieħor ta' bully. Jaħseb li s-saltna tal-maġġoranza tirbaħ fuq is-saltna tal-liġi. Joseph Muscat, aħna mhux ċwieċ, il-logħob bil-kliem ma jemmnux kulħadd, tinsultax l-intelliġenza tagħna," appellat Galea.
Hija kkritikat dak li sejħet pajjiż illi fih hija ppremjata l-medjokrità 'fejn javvanza min jigdeb u jhedded.'
'Mhux vera tradituri dawk li jmorru jitkellmu dwar is-sitwazzjoni f’pajjiżna, bħalma mhux tradituri il-whistleblowers bħalma lanqas kienet traditura Daphne Caruana Galizia, li waħdeha kienet i-kuxjenza niggieża.'
Minn naħa l-oħra Galea sostniet li 'traditur hu min ħammeġ isem Malta b’politiċi rgħiba u governanza maħmuġa. Tradituri huma dawk li jibqgħu siekta f’din is-sitwazzjoni ddisprata,' sostniet Galea.
Repubblika li tibża’ mill-intellettwali, li toħnoq, tirredikola jew tinjora l-ħsieb kritiku, hija Repubblika dgħajfa Immanuel Mifsud
'Joseph Muscat jitkellem il-lingwa tar-rgħiba bla rażan, ta rapporti moħbija, ta kuntratti moħbija u laqgħat sigrieti fl-Ażerbajġan. Tilgħaba ta’ Ewropew u ttemmgħalna livelli tat-tielet dinja,' akkużat Galea lil Muscat.
Intant meta kien qed jitkellem Antonio Di Pietro, il-Maġistrat li mexxa l-każ fil-Qorti Taljana li wasslet għall-iżmantellar ta' waħda mill-akbar xbieki tal-mafja fl-Italja, qal li għandna bżonn noqgħodu attenti meta nirreferu għal 'stat mafjuż' u qal li f'Malta bħal l-Italja hemm il-mafja, mhux li huma stat mafjuż. Huwa qal li l-poplu Malti m'għandux jagħmel iż-żball li jaħseb li l-qtil ta' Caruana Galizia huwa sempliċiment qtil bħall-oħrajn, għax mhuwiex.
Huwa sostna illi demokrazija b'saħħitha teħtieġ li s-saltna tad-dritt tkun f'saħħitha.
'Soċjetà kritika m'għandiex taċċetta kollox kif ġie ġie'
Diskors ieħor kien dak ta' Immanuel Mifsud, Professur, ħassieb u opinjonista tal-gazzetta ILLUM. Huwa sostna li hemm bżonn illi s-soċjetà ċivili tmexxi lill-pajjiż bil-ħiliet kritiċi tagħha u li Malta ma tinqax pajjiż bil-mentalità tribali. 'Għax tkun soċjetà kritika tkun, awtomatikament, soċjetà pluralista u li dan jiġi rifless mhux biss fil-ħajja ta’ kuljum imma anki fis-sala prinċipali ta’ dan il-bini t’hawnhekk (Il-Parlament). Matul iż-żmien qalulna ħafna affarijiet: qalulna bdiet rebbiegħa ġdida; qalulna żmien il-bużullotti spiċċa; qalulna wasal terremot mill-isbaħ; qalulna li pajjiżna tagħna lkoll; li konna taħt tmexxija soda; qalulna li dan hu l-aqwa żmien. U aħna emminniehom; kull darba emminniehom. Iżda soċjetà kritika m’għandhiex taċċetta kollox kif ġie ġie: għall-kuntrarju għandha tistaqsi, għandha żżomm għajnejha miftuħa."
Intant Misfud temm jgħid illi “Repubblika li tibża’ mill-intellettwali, li toħnoq, tirredikola jew tinjora l-ħsieb kritiku, hija Repubblika dgħajfa u waħda li ma laħqitx il-milja tagħha.”
Intant l-Membru Parlamantari Ewropew tal-Ħodor Sven Giegold sejjaħ għall-protezzjoni lill-eks Spettur Jonathan Ferris u sostna, fil-blogg li jikteb, li ma jistax jemmen kif Ferris għandu biss pulizija wieħed bil-lejl u skorta 'infrekwenti' matul il-ġurnata. Giegold staqsa jekk il-Gvern Malti jridx qtil ta' whitleblower wara qtil ta' ġurnalista.