Qtil DCG | 48 siegħa kruċjali fil-każ tal-qtil ta' Caruana Galizia
Bħal lum seba' ġimgħat eżatt inqatlet Daphne Caruana Galizia. Illum jkunu arrestati 10 minn nies...L-ILLUM tagħti ħarsa lejn uħud mill-avvenimenti ewlenin tal-aħħar ġimgħat
minn Albert Gauci Cunningham
Dak li seħħ dalgħodu, jiġifieri l-arrest ta' 10 minn nies f'konnessjoni mal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia permezz ta' karozza bomba, jfisser illi issa skatta proċess ta' interrogazzjoni. Proċess li ħadd ma jaf kemm se jdum imma li żgur se jħalli lill-pajjiż fuq ix-xwiek, jistenna.
L-interogazzjoni se tkun qed issir fid-Depot, il-Furjana u matulha l-Pulizija mistennijin li jinterrogaw lil kull wieħed mill-10 suspettati individwalment. F'dan il-proċess il-Pulizija jkunu qegħdin jistaqsu u jipprovaw jaslu għall-konklużjoni dwar min minn dawn l-10 huwa involut direttament u x'inhu l-grad tal-istess involviment.
Il-Pulizija jistgħu jżommu lil dawn is-suspettati sa mhux aktar minn 48 siegħa, biex imbagħad, jew jitressqu b'arrest jew inkella b'ċitazzjoni tal-Qorti. Għalkemm sorsi fil-Pulizija qalu lil dan is-sit illi peress li l-każ huwa ta' ċertu kobor, huwa mistenni li jekk jinstab li jkun hemm biżżejjed provi jitressqu b'arrest.
Dan ifisser illi t-48 siegħa li ġejjin huma kruċjali ħafna fil-każ. Għalhekk għandna nistennew iktar informazzjoni bejn illum u nhar il-Erbgħa li ġej.
Dawn l-arresti saru eżattament seba' ġimgħat wara l-qtil makabru ta' Daphne Caruana Galizia, permezz ta' karozza bomba.
L-aħħar blog ta' Caruana Galizia kien jgħid li illum, kull fejn tħares hawn il-kriminali u li s-sitwazzjoni hija ta' disprament.
Il-qtil ħalla lill-pajjiż jiddiskuti f'xokk, bil-Prim Ministru Joseph Muscat dakinhar jgħid illi mhux se jieqaf qabel ma jinqabdu l-persuni li kienu wara dan il-qtil.
Muscat kien ħabbar illi jgħinu lil Pulizija Maltija se jkun hemm l-FBI, fost oħrajn.
L-aħbar ġriet madwar id-dinja fuq l-istazzjonijiet tal-aħbarijiet prinċipali kollha b'Muscat intervistat saħansitra fuq l-istazzjon CNN
Intant, l-għada stess dan is-sit żvela kif il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien se jwaqqa l-ħames libelli kollha li kien fetaħ waqt il-'battalja' li kellu ma' Caruana Galizia fit-tiġrija għal Kap ġdid tal-PN. Caruana Galizia kienet allegat li Delia għandu kont f'Jersey u li minnu, allegatament, għaddew flus konessi mal-prostituzzjoni. Intant dan is-sit kien żvela wkoll li l-familja Caruana Galizia ħabbru li t-tfal ta' DCG kienu se jkomplu l-każijiet fil-konfront tal-Ministru Chris Cardona.
Il-qtil ta' Caruana Galizia wassal għal diversi dimostrazzjonijiet, bl-ewwel waħda organizzata mis-Civil Society Network, għaqda li fil-fatt twieldet mal-mewt ta' DCG. Fil-protesti l-għajta kienet biex il-Kummissarju tal-Pulizija, flimkien mal-Avukat Ġenerali jirreżenjawkif ukoll biex il-PM iħares is-saltna tad-dritt f'pajjiżna. Is-Civil Society network immexxi minn Michael Briguglio kien għamel tliet talbiet, fosthom li l-Kummissarju tal-Pulizija jkun maħtur biż-żewġ terzi tal-Parlament Malti.
Il-Kummissarju tal-Pulizija sejjaħ Konferenza tal-Aħbarijiet, tliett'ijiem wara l-qtil ta' DCG, li ġabet ħafna aktar kritika lejn il-Korp tal-Pulizija għal mod kif saret u għall-fatt li ma kien ħareġ xejn ġdid fiha.
Dan is-sit kien irrapporta kif s-Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti (EFJ) Ricardo Gutierrez qal li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ilha tirċievi theddid fuq ħajjitha.
Intant grupp ta' nisa bl-isem Occupy Justice waqqfu numru ta' tined u pprotestaw quddiem kastilja. Huma talbu għall-ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia u talbu li jiltaqgħu mal-PM Muscat ukoll.
Il-funeral ta' DCG sar nhar it-3 ta' Novembru, fil-Mosta u għalih il-PM, il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-President tar-Repubblika ma kienux mistiedna. Il-ġurnata kienet mħabbra bħala Jum ta' luttu nazzjonali.
Intant għall-ewwel darba fl-istorja l-Kmamar tal-Aħbarijiet kollha ingħaqdu u nhar il-Ħadd 22 ta' Ottubru ippublikaw l-istess faċċati tal-gazzetta, bil-messaġġ 'Il-Pinna tirbaħ il-Biża'.
Intant wara mozzjoni fil-Parlament Ewropew li ddiskutiet s-saltna tad-dritt f'Malta, l-ġimgħa l-oħra ġiet f'pajjiżna delegazzjoni li ltaqgħet fost l-oħrajn mal-Kummissarju tal-Pulizija, l-Prim Ministru u l-eks Spettur tal-Pulizija Jonathan Ferris.
Dalgħodu l-PM Joseph Muscat ħabbar li ġew arrestati 10 minn nies in konnessjoni ma' dan il-qtil.