Il-kapitlu tal-qtil tal-blogger u ġurnalista Daphne Caruana Galizia ħa żvolta ġdida hekk kif aktar tard ilejla mistennijin jitressqu, mill-inqas, tliet persuni quddiem il-Qorti akkużati bil-qtil tagħha. Minkejja li għall-ewwel dan il-każ kien jidher li huwa impossibbli li jkun solvut, jidher li matul l-aħħar ġimgħat investigazzjoni se jwasslu biex jitressqu tliet persuni iktar tard illum. Dan anke jekk mhux ċar jew magħruf x'kien il-mottiv u jekk l-akkużati humiex l-mandanti jew le, jiġifieri jekk kienux huma li wettqu l-att bil-moħħ warajh ikun xi ħadd ieħor.
Is-sit maltatoday.com.mt għadu kif żvela illi apparti l-aħwa Degiorgio huwa mistenni li jitressaq ukoll Vince Muscat, magħruf bħala l-'Koħħu' bħala t-tielet suspettat fl-assasinju ta' Caruana Galizia.
Muscat ta' 55 sena, flimkien mal-aħwa Degiorgio huma konnessi mal-każ ta' serqa mill-bank HSBC fl-2010.
Ilbieraħ kien żvelat illi s-suspettati ewlenin fil-każ tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia huma l-aħwa Alfred u George Degiorgio, magħrufa bil-laqam bħala 'iċ-Ċiniż' u 'l-fulu'.
Kien ilbieraħ filgħodu li permezz ta' konferenza tal-aħbarijiet il-PM Joseph Muscat ħabbar li l-Pulizija kienet arrestat 10 minn nies, suspettati li huma wara l-qtil ta' DCG. Aktar kmieni illum kien żvelat kif dawn it-tnejn għandhom passat marbut ma' reati vjolenti 'stil tal-mafja'.
Daphne Caruana Galizia inqatlet f'kafrozza bomba, il-ħames f'dawn l-aħħar sentejn u l-agħar waħda minnhom kollha, lbieraħ seba' ġimgħat ilu. Caruana Galizia kienet għadha kif telqet mid-dar tagħha fejn kienet għadha kif temmet blogg bil-kummenti konklussivi, issa magħrufin sew, 'kull fejn tħares illum hawn il-kriminali, is-sitwazzjoni hija waħda ddisprata'.
Daphne Caruana Galizia kienet kritika ħarxa tal-Partit Laburista u baqgħet imsemmija bħala l-persuna li kixfet il-każ tal-kontijiet fil-Panama tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri. Il-każ tal-Panama kien l-aktar wieħed li heżżeż lill-Gvern ta' Joseph Muscat, speċjalment l-allegazzjoni li mart il-Prim Ministru, Michelle Muscat, kienet proprjetarja ta' kumpanija fil-Panama, bl-isem Egrant. Allegazzjoni li Muscat dejjem ċaħad bil-qawwa.