Il-Gvern jakkuża ditta legali 'b'attakk fuq Gvern elett demokratikament'

Il-Gvern jirribatti rapport minn ditta legali u jgħid illi din qagħdet fuq informazzjoni parzjali u fetħet attakk spekulattiv fuq Gvern elett demokratikament... 

Kastilja, L-Uffiċċju tal-Prim Ministru
Kastilja, L-Uffiċċju tal-Prim Ministru

Il-Gvern fi stqarrija sostna li huwa sorpriż kif ditta legali Ingliża qagħdet biss fuq informazzjoni li ngħatat lilhom mill-klijenti tagħhom biex ippubblikat rapport b'dak li qed issejjaħlu 'parir urġenti' lill-familja Caruana Galizia. 

"L-attentat biex jinkiteb ġudizzju li huwa kompletament parzjali qabel ma biss jibda jinstema' l-każ mhux etika u juri nuqqas ta' rispett lejn il-Qrati Maltin." 

Il-Gvern sostna li d-dokument qed jipprova b'mod sottili jagħti l-impressjoni li l-istat b'xi mod huwa mdaħħal fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u allura, bl-istess bażi ta' argument, l-ebda awtorità Maltija m'għandha tkun involuta fl-investigazzjoni."

Il-Gvern qal li l-allegazzjonijiet huma 'irresponsabbli' u huma "intenzjonati biex inaqqsu mill-kredibilità u l-awtorità tal-istituzzjonijiet Maltin."

Filwaqt li fakkar fl-involviment tal-FBI, il-Europol u t-tim forensiku Olandiż il-Gvern qal li dan il-'parir legali' mhu xejn għajr informazzjoni parzjali, mhux informata u attakk spekulattiv fuq Gvern elett demokratikament. 

(Iktar dwar ir-rapport maħruġ mid-ditta legali Ingliża Doughty Street Chambers għada fil-ħarġa tal-gazzetta ILLUM) 

 

More in Politika