Malta b’attitudni pożittiva lejn il-wirt kulturali

Il-Maltin jemmnu li l-awtoritajiet nazzjonali huma l-aqwa biex jipproteġu l-wirt kulturali tagħna

51% tal-Maltin  jemmnu li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom ikunu responsabbli għall-protezzjoni tal-wirt kulturali Ewropew. Dan jirriżulta minn Ewrobarometru speċjali, l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu, li sar biex jiġu evalwati l-opinjonijiet tal-Ewropej dwar il-wirt kulturali.

Ir-risposti ta’ dan l-istħarriġ ġew użati biex jinħoloq indiċi li jirrapreżenta l-livell ta’ pożittività lejn il-wirt kulturali. Malta ġiet fit-tielet post f’dan l-indiċi.

90% tal-parteċipanti Maltin qalu li jħossuhom kburin b’monumenti jew siti storiċi, xogħlijiet ta’ arti jew tradizzjonijiet minn Malta u 89% tal-parteċipanti lokali jħossu li l-wirt kulturali Ewropew għandu jiġi mgħallem fl-iskejjel.

73% tal-Maltin qalu li l-wirt kulturali huwa importanti ħafna għalihom u 79% qalu li jaqblu li l-fatt li tkun tgħix viċin  postijiet  relatati mal-wirt kulturali Ewropew jagħti sens t'appartenenza.

94% mill-parteċipanti qalu li l-wirt kulturali huwa importanti għall-Malta. 88% mill-parteċipanti qalu li l-wirt kulturali u attivitajiet relatati jikkreaw ix-xogħol.

F’sezzjonijiet oħra ta’ dan l-istħarriġ, 19% tal-parteċipanti lokali qalu li huma jagħtu donazzjonijiet jew riżorsi oħra lil organizzazzjoni li hija attiva fil-qasam tal-wirt kulturali, waqt li l-medja tal-UE hija biss 7%.

Fi stqarrija, l-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici qal li l-Gvern jaħdem qatigħ biex ipoġġi l-kultura u l-wirt kulturali fuq quddiem nett.

More in Politika