Għawdex f’konferenza u esebizzjoni fotografika fi Brussell
- Diskussi l-karatteristiċi ta’ Għawdex li huma differenti minn ta’ Malta
- L-insularità u l-età tal-popolazzjoni fost l-isfidi ewlenin
minn Jesmar Baldacchino
Għawdex kien it-tema ta’ konferenza u esebizzjoni fotografika li ttellgħu fil-Parlament Ewropew fi Brussell. Matul il-konferenza, fost l-oħrajn, ħadu sehem Michael Galea mill-Gozo Business Chamber u Paul Scicluna mill-GTA.
Il-konferenza ġiet indirizzata wkoll minn Martin Bugelli, li huwa impjegat tal-Kummissjoni Ewropea fuq fondi Ewropej f’reġjuni fl-Italja u mill-MEP Francis Zammit Dimech.
Fost it-temi tad-diskussjoni kien hemm l-insularità doppja li qed jaffaċċja Għawdex u l-fatt li l-popolazzjoni żagħżugħa qed tonqos kull sena. L-insularità tqieset bħala l-problema ewlenija għat-tkabbir ekonomiku ta’ Għawdex u saret referenza għal proposta għall-baġit li kienet tressqet lill-Gvern biex servizzi relatati mat-turiżmu f’Għawdex ikollhom rata anqas ta’ VAT.
Id-diskussjoni iżda ffokat l-aktar fuq l-allokazzjoni tal-fondi Ewropej lejn Għawdex u l-konċessjoni li saret biex Malta ġiet rikonoxxuta bħala NUTS2 u għalhekk tikkwalifa għall-fondi. Dan meta l-popolazzjoni Maltija mhix kbira biżżejjed biex naqgħu f’din il-kategorija. Għawdex ingħata konċessjoni wkoll meta ġie kkwalifikat bħala NUTS3.
Fir-rigward tal-allokazzjoni tal-fondi Ewropej iżda Malta u Għawdex huma meqjusa bħala pajjiż wieħed f’għajnejn il-Kummissjoni Ewropea. Sar enfasi fuq id-deċiżjoni tal-Gvern Malti li jiġu allokati 10% tal-fondi Ewropea li tirċievi Malta u kif dan jissarraf f’ammont akbar li l-gżira oħt qed tieħu li kieku kellha tingħata l-fondi skont il-kriterji stabbiliti tal-kwalifikazzjoni tan-NUTS. Dan il-ftehim ġie rikonoxxut ukoll mill-istituzzjonijiet Ewropej.
Michael Galea qal li l-Għawdxin taħt it-30 sena qed jonqsu kull sena minħabba li jsibu xogħol f’Malta jew pajjiż ieħor u għalhekk jiddeċiedu li jirrilokaw.
Mill-banda l-oħra qed jiżdiedu l-persuni li għandhom ’il fuq minn 50 sena u l-anzjani. Enfasizza fuq il-ħtieġa li jiżdiedu l-vapuri tal-Gozo Channel hekk kif kull sena minn Malta lejn Għawdex jaqsmu madwar 5 miljun persuna. Fil-proġett l-aktar mistenni iżda jibqa’ dak tal-mina bejn iż-żewġ gżejjer.
Paul Scicluna sostna li s-settur turistiku f’Għawdex jiġġenera aktar minn 50% tal-GDP tal-gżira.
Qal iżda li l-istatistika tal-NSO ssir fuq id-data li tinġabar mill-istabbilimenti kollettivi bħal-lukandi u għalhekk ma turix l-istampa reali tas-settur turistiku Għawdxi minħabba li din ma tinkludix il-‘farmhouses’ u l-vilel li jinkrew, li jammonta għal numru kbir ħafna.
Intqal li l-insularità doppja tilgħab rwol ukoll fl-okkupanza tal-lukandi fix-xhur tax-xitwa għaliex filwaqt li f’Malta din tkun tlaħħaq is-66%, f’Għawdex din tammonta għal 41% biss. Hawnhekk saret referenza għall-proposta li l-VAT għal matul ix-xhur tax-xitwa tinżel għal 3% u dik tat-trasport tinżel għal 13%. Dan għandu jsaħħaħ l-investiment minflok sidien ta’ lukandi jiddeċiedu li jagħlqu matul dawn ix-xhur u b’detriment għax-xogħol u l-impjegati.
Proposta oħra diskussa kienet dik li jkun hemm mod ta’ trasport dirett mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta dirett lejn Għawdex, li jkollha rata sussidjata biex ma jkunx hemm diskrepanzi bejn rati mħallsin għat-trasport, biex turist imur mill-ajruport lejn lokalitajiet turistiċi f’Malta bħal Tas-Sliema u San Ġiljan.
Matul id-diskussjoni saret enfasi fuq ir-regolamenti nazzjonali u kif għal Għawdex ma jistax ikun hemm attitudni ta’ ‘one size fits all’ għaliex b’hekk ma jkunx hemm ħarsien tal-interessi partikolari tal-Għawdxin. Ġie ssuġġeriet li jerġa’ jinħatar il-Kunsill Ċivili għal Għawdex u li dan ikollu l-poteri li jiġbor it-taxxi u li jalloka l-fondi għall-proġetti li jkunu jkunu se jsiru f’din il-gżira.
Postijiet u tradizzjonijiet Għawdxin ġew aktar tard esposti f’ritratt li se jiġu esebiti għal ġimgħa sħiħa fil-bini tal-Parlament Ewropew bit-tema Gozo Calypso’s Island Exhibition. Matul din l-esebizzjoni fotografika qed jiġu esposti ritratti meħuda minn fotografi Għawdxin, li jinkludu mhux biss postijiet u lokalitajiet turistiċi u l-baħar imma wkoll xeni tal-festi, salini u ritratt tal-aktar karozza antika li qatt ġiet irreġistrata f’Għawdex.
Ġew esposti wkoll prodotti tipiċi u jsiru f’Għawdex minn Savina Creations, Ta’ Mena Agri Limited u Tal-Massar Winery, apparti li twaqqaf materjal ta’ promozzjoni turistiku mill-Gozo Tourism Authority.
Din is-serata żżewqet ukoll b’kant tradizzjonali mill-Astra Folk Duo. Għal din l-attività attendew ammont konsiderevoli ta’ MEPs u ħaddiema li jaħdmu fil-bini tal-Parlament Ewropew.