L-abbuż sesswali online fuq it-tfal qed iwassal għal żieda fis-suwiċidji

  • Fl-2015 f’Malta kienu ġew irrappurtati 67 każ ta’ abbuż fuq minuri f’sitt xhur
  • Fl-2016 ġew irrappurtati 34,000 każ ta’ abbuż sesswali online fuq minuri fl-Ewropa

Mark kien abbużat mis-sieħeb ta’ ommu meta kien għadu fl-iskola primarja. Illum kiber u għandu familja, iżda stampi tal-abbuż sesswali li għadda minnu għandhom online fuq l-internet. Mark jiddeskrivi l-abbuż mentali li baqa’ maż-żmien bħala wieħed akbar minn dak fiżiku li għadda minnu. Jgħid li l-akbar biża’ tiegħu hi li wliedu xi darba jaraw dawn ir-ritratti meta jkunu qed jużaw l-internet.

L-esperjenza ta’ Mark hija waħda mill-ħafna li waslet għand l-Internet Watch Foundation (IWF), li taħdem biex jintemm l-abbuż sesswali li jsir fuq minuri b’mod speċjali dak online.

Mill-aħħar rapport ta’ din il-fondazzjoni li għandha uffiċċju f’16-il pajjiż madwar id-dinja, jirriżulta li kien hemm żieda ta’ 112% ta’ każijiet fejn persuni jtellgħu ritratti pornografiċi online ta’ abbuż sesswali fuq minuri, li jispiċċaw f’ċirku ta’ pedofelija.

Matul l-2016, l-IWF stħarrġet aktar minn 105,000 rapport li l-maġġoranza kienu siti elettroniċi b'materjal ta' abbuż fuq minuri. 56% minnhom kellhom kontenut li kien kriminali.

F’89% ta’ dawn l-istampi, il-vittmi kienu bniet. Kontenut ta’ abbuż sesswali online huwa biss mod wieħed ta’ abbuż li jsir fuq minuri apparti dak fiżiku u psikoloġiku.

Il-Maltin ifittxu siti ta’ 'streaming online' ta’ materjal sesswali

F’Malta, mill-istatistika li kienet ġiet ippreżentata fl-2015, matul l-ewwel sitt xhur ta’ dik is-sena partikolari, l-Aġenzija Appoġġ kienet investigat xejn inqas minn 67 każ ta’ abbuż sesswali fuq minuri.

Minnhom kien hemm ħames każijiet ta’ abbuż fuq tfal taħt is-sena ta’ età u għaxra oħra li kienu jikkonċernaw tfal li l-età tagħhom tvarja minn sena sa’ ħames snin.

Minn stħarriġ li sar dan l-aħħar minn Alexa, li għandha affiljazzjoni mal-Amazon, il-konklużjonijiet urew li mit-tfittxijiet ewlenin li jagħmlu l-Maltin u l-Għawdxin online hemm siti li joffru servizzi ta’ sess bl-użu tal-webcams, fejn mill-monitor ikunu jistgħu jaraw atti sesswali jseħħu quddiemhom. Dawn is-siti ma jeskludux li jkun hemm minuri li jipparteċipaw fl-atti sesswali.

Żieda fl-abbuż sesswali fuq it-tfal ta’ refuġjati li jidħlu fl-Ewropa mhux akkumpanjati

Fil-preżent l-aktar tfal vulnerabbli għall-abbuż huma t-tfal tar-refuġjati li jidħlu fl-Ewropa, b’mod speċjali dawk li jispiċċaw waħedhom. M’hawnx ‘data’ biżżejjed miġbura li turi kemm hawn tfal ta’ refuġjati madwar l-Ewropa li ġew affettwati mill-kriżijiet tal-wasliet.

Skont informazzjoni miġbura min-Netwerk Ewropea tal-Ombudsman għat-tfal, matul l-2015 kien hawn minn tal-inqas 337,000 tfal li kienu rreġistrati bħala refuġjati li minnhom 88,300 ma kinux akkumpanjati minn adulti.

Dan poġġiehom f’sitwazzjoni sensittiva u suġġett għall-abbuż. L-istħarriġ juri wkoll li madwar 60% tat-tfal li ma kinux akkumpanjati spiċċaw intilfu, mingħajr ma ħadd jaf fejn spiċċaw.

Mir-rapport tal-IWF jirriżulta li l-akbar abbuż sesswali online fuq minuri ġej mill-Ewropa b’34,212-il każ jew żieda ta’ 19% fuq is-sena ta’ qabel.

L-Olanda u Franza huma fost l-aktar ħames pajjiżi minn fejn joriġina dan l-abbuż bl-aktar pajjiż fid-dinja jkun l-Olanda b’aktar minn 20,000 każ.

Fil-ġranet li għaddew matul is-seduta plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, tressaq rapport tal-MEP Anna Maria Corazza Bildt dwar l-implimentazzjoni ta’ direttivi Ewropej mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttar sesswali u l-pornografija tat-tfal.

Il-konklużjonijiet huma ċari u juru tħassib kbir fuq iż-żieda ta’ ‘live streaming’ online ta’ abbuż fuq minuri, bil-persuni li jwettqu dawn ir-reati huma nnovattivi li jużaw teknoloġija moderna.

Għalhekk fost ir-rakkomandazzjonijiet hemm li l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea għandhom jiżviluppaw huma wkoll metodi moderni biex ifittxu u jsibu siti elettorniċi li jġorru dan il-kontenut.

Il-vittmi mhux dejjem jirrappurtaw għax jibżgħu

L-abbuż sesswali online fuq it-tfal hija offiża kriminali fejn huwa ferm diffiċli li jiġu rrappurtati jew li joħorġu fil-beraħ. Ir-rapporti jkunu limitati għax it-tfal li jridu jagħmluhom ikunu ta’ età żgħira, u jkunu għaddew minn trawma jew ikunu għadhom dipendenti mill-persuni li jkunu abbużawhom. Dan kollu jżommhom milli jirrappurtaw l-abbuż li jkunu għaddew minnu.

F’dan ir-rigward il-linji telefoniċi għat-tfal u l-aġenziji li joffru l-għajnuna lill-minuri biex ikunu jistgħu jirrappurtaw abbuż li jkunu għaddew minnu għandhom irwol importanti.

Ir-rapport jisħaq fuq l-importanza li jiġu stabbiliti servizzi simili fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea biex jiġu rrappurtati tfal li jkunu ntilfu għax l-Awtoritajiet għandhom irwol ewlieni fl-identifikazzjoni ta’ minuri li jkunu vittmi. Għalhekk ukoll jiġi mħeġġeġ l-użu tal-Europol u l-EuroJust.

L-akbar uġigħ ta’ ras fl-Ewropa fil-ġlieda kontra l-abbuż sesswali online fuq minuri hija dik li bil-qerq it-tfal jispiċċaw vittmi ta’ pedofeli li jkunu jridu jużawhom f’atti sesswali, bil-materjal u r-ritratti li jittieħdu jispiċċaw fuq l-internet.

Dan jispiċċa jwassal għal każijiet twal fil-Qrati biex jitneħħew l-istampi, liema każijiet mhux dejjem jintemmu b’suċċess minħabba l-burokrazija u liġijiet f’pajjiżi terzi li ma jiffaċilitawx li dan isir.

Dan ir-rapport janalizza wkoll is-sitwazzjoni li tikkonċerna t-tfal ta’ refuġjati li jidħlu fl-Ewropa, b’mod speċjali dawk li ma jkunux akkumpanjati minn adulti u jappella lill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea biex jieħdu miżuri effettivi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tagħhom.

Ir-rapport jgħid li fl-Ewropa qed jiżdiedu wkoll il-każijiet ta’ ‘revenge porn’ fejn persuna tuża ritratti jew filmati espliċiti fil-konfront ta’ persuni oħra bi tpattija u dawn ikunu wkoll jinkludu ritratti li juru pedofelija.

Ħafna minn dawn il-każijiet jispiċċaw iwasslu biex sfortunatament il-vittma twettaq suwiċidju għaliex ir-ritratti jibqgħu jduru fuq l-internet u għalhekk l-abbuż psikoloġiku ma jintemm kważi qatt. It-tħassib huwa li n-networks kriminali involuti fil-pedofelija qed ikunu aktar sofistikati maż-żmien u l-liġijiet li jidħlu fis-seħħ fl-Ewropa mhux dejjem qed ikunu ‘future proof’.

L-abbuż sesswali online fuq minuri huwa reat li jsir minn pajjiżi Ewropej flimkien ma’ oħra li mhux parti mill-Ewropa jew l-Unjoni Ewropea u għalhekk din il-ġlieda teħtieġ il-koperazzjoni tal-pajjiżi kollha biex tintrebaħ.

Minn dan ir-rapport jirriżulta li mhix qed tiġi pprovduta statistika fuq l-użu ta’ proċeduri fil-liġijiet kriminali biex jiġi kkonfiskat tagħmir li jkun intuża biex ixxerred il-pornografija tat-tfal. Ir-rapport jirrakkomanda li l-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea għandhom imorru lil hinn milli sempliċement idaħħlu fis-seħħ id-direttivi Ewropej fil-liġijiet nazzjonali.

Jiġu mħeġġa inizjattivi nazzjonali għal aktar għarfien biex minuri jagħrfu meta se jkunu se jispiċċaw involuti direttament f’pornografija online b’qerq.

Ħafna mis-suġġerimenti fir-rapport Ewropew jinsabu fil-Politika Nazzjonali li għadha kemm tħabbret

Interessanti kif bosta mis-suġġerimenti li tressqu f’dan ir-rapport tal-MEP Corazza Bildt diġà sabu posthom fil-Politika Nazzjonali għat-Tfal li tnediet f’Malta fix-xhur li għaddew.

Kien il-Ministru għall-Politika Soċjali Michael Falzon li dan l-aħħar nieda uffiċjalment l-Politika Nazzjonali għat-Tfal, li tenfasizza fuq l-importanza li jkun hawn aktar sforzi u investimenti biex tissaħħaħ din il-ġlieda kontra kull forma ta’ abbuż fuq it-tfal, li tinkludi fost l-oħrajn it-traffikar tal-persuni, ‘child labour’ u l-abbużi l-oħra inkluż dak sesswali.

Il-politika nazzjonali għat-tfal li se tkun qed tifrex fuq ħames oqsma relatati li huma l-ambjent fid-dar, il-faqar u l-mobilità soċjali, is-saħħa u l-ambjent, l-edukazzjoni u l-kulturà.

Il-politika nazzjonali tinkludi 110 għanijiet li l-mira ewlenija hija li l-ideat tat-tfal jiġu aktar ikkunsidrati u tenfasizza fuq l-importanza li l-vuċi tinstema’ aktar.

More in Politika