Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit se tkun it-tielet maġistrat li quddiemha huwa mistenni li tibda l-kumpilazzjoni tal-provi b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Il-Maġistrat Stafrace Zammit ġiet appuntata wara li dalgħodu l-Maġistrat Charmaine Galea wkoll iddeċidiet li ma tkomplix bis-smigħ.
Fil-Qorti, l-Maġistrat Galea qalet li meta kienet tipprattika ta’ avukat kellha każ ta’ libell fil-konfront ta’ Caruana Galizia.
Din id-dikjarazzjoni wasslet biex id-difiża tgħid li ma kellha l-ebda oġġezzjoni li ma tkomplix bis-smigħ.
F’digriet li qrat fl-awla tal-Qorti, l-Maġistrat Galea qalet li kienet iddeċidiet li ma tkompli bil-kumpilazzjoni tal-provi.
B’rabta ma’ dan il-każ ġew arrestati l-aħwa George u Alfred Degiorgio, magħrufa bħala iċ-Ċiniż u l-Fulu rispettivament u Vincent Muscat magħruf bħala l-Koħħu.
Il-Maġistrat Stafrace Zammit trid tara jekk hemmx biżżejjed provi biex dawn l-irġiel jitpoġġew taħt kap ta' akkuża u jgħaddu ġuri.
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit kienet inħatret Maġistrat f’Settembru tal-2009 u fost il-każijiet li kienet iddeċidiet kien hemm il-każ tal-Libjan El Gadi li kien instab ħati, li f’April tal-2012 kien qatel lil martu.
Ma jirriżultax li Daphne Caruana Galizia kitbet dwar il-Maġistrat Stafrace Zammit fil-blogg tagħha ħlief li kkwotat artiklu ta' gazzetta li ddeskriva kif il-Maġistrat ma kinitx se tittollera imġieba ta' avukat fil-Qorti.
Il-kumpilazzjoni tal-provi se ssir għada fl-10.30 ta' filgħodu.