Il-Labour u n-Nazzjonalisti qaqoċċa fuq il-kaċċa...Marlene u Godfrey jaħsbuha mod ieħor

Approvata mozzjoni emendata biex il-ħinijiet għall-kaċċa fil-Park tal-Majjistral jiġu estiżi...Il-Birdlife tikkundanna d-deċiżjoni taż-żewġ partiti

Iktar kaċċa fil-Park tal-Majjistral...bl-approvazzjoni tal-PN u l-PL
Iktar kaċċa fil-Park tal-Majjistral...bl-approvazzjoni tal-PN u l-PL

Il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista qablu fil-Parlament li jiġi estiż il-ħin għall-kaċċa fil-Park tal-Majjistral.

Dan hekk kif m’għaddietx mozzjoni li tressqet mid-Deputat tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia biex il-ħinijiet f’dan il-park ma jiġux estiżi.

Il-Partit Nazzjonalista ħa l-pożizzjoni li jressaq emenda għall-mozzjoni biex minflok issir konsultazzjoni fuq l-estensjoni tal-ħinijiet, liema emenda kienet approvata fis-seduta ta’ filgħodu.

L-mozzjoni kif emendata reġgħet ġiet approvata fil-Parlament wara li Godfrey Farrugia talab ‘division’ u b’kollox 62 deputat ivvutaw favur u 2 ivvutaw kontra.

Dan ifisser li d-deputati min-naħa tal-Gvern u tal-Partit Nazzjonalista ivvutaw kollha favur.

Filgħaxija fil-Kamra tar-Rappreżentanti waqt il-votazzjoni kien hemm neqsin tliet deputati li kienu Joe Mizzi u Silvio Grixti għall-Partit Laburista u Edwin Vassallo għall-Partit Nazzjonalista.

Waqt id-diskussjoni fis-seduta ta’ filgħodu tal-Parlament, il-Partit Laburista kien qabel mal-pożizzjoni li ttieħdet mill-Partit Nazzjonalista.

Birdlife: 'Iż-żewġ partiti ħadu lill-pajjiż lura...l-Gvern iħalli lil min isabbat saqajh jagħmel li jrid'

Intant fi stqarrija l-Birdlife innotat li llum iż-żewġ partiti politiċi l-kbar "reġgħu ħadu lill-pajjiż lura għal żmien l-istatus quo ta’ qabel l-2004. Dan il-Gvern li tant jitkellem dwar il-ħarsien tal-liġi u l-ordni pubbliku qiegħed għall-kuntrarju juri l-id tal-ħadid maż-żgħir u l-kwiet waqt li jħalli sitwazzjoni fejn kulħadd jagħmel li jrid għal min hu mdorri jgħajjat u jsabbat. Fid-diskors tiegħu fil-Parlament," kompliet tgħid il-Birdlife, "il-Ministru Herrera wera' li ma jifhimx it-tifsira ta’ park nazzjonali u sit Natura 2000. Filwaqt li tajjeb li jinstab bilanċ, f’sit bħall-Park tal-Majjistral hemm il-bżonn tal-ħarsien tan-natura u mhux il-qerda tal-bijodiversità."

reġgħu ħadu lill-pajjiż lura għal żmien l-istatus quo ta’ qabel l-2004 Birdlife

"Il-Ministru Herrera ma kellux il-kuraġġ li jesprimi l-opinjoni tiegħu imma rrepeta d-deċiżjoni li ttieħdet mill-Prim Ministru Joseph Muscat.  Hu diżappuntanti wkoll li deputati tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista li jaqblu mal-pożizzjoni ta’ BirdLife Malta u għaqdiet oħra ambjentali dwar dan il-każ ma kellhomx il-kuraġġ li jesprimu ruħhom quddiem il-kap tal-PN Adrian Delia," temmet tgħid l-istqarrija. 
 

 

More in Politika