'Iż-żewġ partiti iktar jeqirduh milli jibżgħu għalih l-ambjent'

Il-Federazzjoni li tmexxi l-Park tal-Majjistral tikkritika bl-aħrax id-deċiżjoni tal-PN u l-PL li jmorru kontra mozzjoni tal-PD biex il-ħinijiet tal-kaċċa fil-Park jibqgħu sal-10am

Il-Federazzjoni tal-Park tal-Majjistral li hija magħmula minn Nature Trust Malta, Din l-Art Ħelwa u l-Fondazzjoni Gaia esprimew lilhom infushom mistagħġba bid-deċiżjoni taż-żewġ partiti lbieraħ fil-Parlament, li permezz tagħha l-kaċċa se tibqa' għaddejja wara l-10 am. Din kienet it-tielet darba li nbidlu l-ħinijiet tal-kaċċa f'din iż-żona. Minn xejn, għal kaċċa sad-9:00 am, għal kaċċa sal-10am u issa għal kaċċa saħansitra sa wara l-10am. 

Ilbieraħ kemm l-Oppożizzjoni kif ukoll il-Gvern ivvutaw favur mozzjoni emendata li ressaq Godfrey Farrugia. Il-mozzjoni oriġinali kienet tgħid li l-ħinijiet tal-kaċċa fil-Park tal-Majjistral, li hija żona ta' wirt ambjentali u ekoloġiku importanti, għandhom jibqgħu kif inhuma. Fil-Parlament Marlene Farrugia sostniet li dan kien il-bilanċ li kien hemm bżonn u li dan il-Gvern, biż-żieda fil-ħinijiet tal-kaċċa, ddeċieda li jkisser. Il-PN ressaq emenda biex minflok, tinfetaħ konsultazzjoni dwar il-ħinijiet il-ġodda tal-kaċċa li kienu aġġustati f'Ottubru. 

'Il-Bord tal-Majjistral kien unanimament irrakkomanda lill-Gvern li jkunu estiżi s-sigħat għax dawn imorru kontra l-vera raġuni għalfejn il-Park jeżisti,' sostniet il-Fondazzjoni li kompliet tgħid illi huwa ċar li ż-żewġ partiti għandhom l-intenzjoni li jkomplu jeqirdu l-ambjent, mhux jipproteġuh.' 

Il-Federazzjoni qalet illi hija assurda li żdiedu s-sigħat li fihom issir il-kaċċa, meta għadhom kemm ġew approvati fondi biex isir titjib f'dan il-Park Nazzjonali. 

'Il-kaċċa u l-insib kienu diġa' qed isiru sal-10am u dan kien kompromess ġust li nstab fl-2013. Il-fatt li se jerġgħu jkunu estiżi dawn is-sigħat ifisser li għal darb'oħra l-pubbliku qed jiċċaħħad mil-libertà tiegħu li jgawdi minn dan il-park,' temmet tgħid l-istqarrija.

 

More in Politika