Meta kienet qed titkellem ilejla fil-Parlament l-eks Kap u Deputat tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia, sostniet illi minkejja dak li sejħet bħala 'opra bħal tal-Miami Vice' bl-arrest tat-tliet akkużati tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, "il-qattiel jiġri fit-toroq għadu."
Hija kienet qed titkellem waqt dibattitu Parlamentari ilejla, li matulu qed tkun diskussa mozzjoni imressqa mid-Deputat Chris Said illi fiha qed jitlob li jkunu investigati dawk li dwarhom għamlet allegazzjonijiet Daphne Caruana Galizia fil-blogg tagħha.
Il-Gvern ressaq numru ta' emendi għall-mozzjoni oriġinali, fosthom illi fl-emenda jissemmew l-Korp tal-Pulizija, jirringrazzjahom, jissemma l-fatt li nqabdu tliet akkużati u li beda l-proċess fil-Qorti. Il-Gvern talab li titneħħa l-parti tal-mozzjoni li ssejjaħ għall-investigazzjoni.
Farrugia sostniet li l-fatt illi l-Gvern ressaq dawn l-emendi bil-għan, skontha, illi titmewwet is-sustanza tal-mozzjoni turi li l-Gvern 'għandu l-faħam miblul. Mhux ovvja li l-Gvern ma jridx investigazzjoni, għax għandhom il-faħam miblul. Jekk il-Gvern jivvota kontra l-mozzjoni ta’ Said ikun ifisser li l-Gvern qed jibża’," sostniet Farrugia.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal illi minkejja li kien prepara diskors ma kienx se jagħmel dikjarazzjonijiet fil-Parlament biex ħadd ma juża kliemu biex ikun preġudikat il-każ li qed jinstema' bħalissa fil-qorti.
Beppe Fenech Adami, fl-intervent tiegħu, qal illi d-Deputati tal-Gvern huma 'chickens' u beżżiegħa u stieden lill-Ministru Konrad Mizzi biex jitkellem u jgħid x'inhi l-pożizzjoni tiegħu dwar il-korruzzjoni. "Ma jriduniex ninvestigaw il-ħniżrija tal-American University of Malta, morru Bormla u taraw white-elephant, frott il-korruzzjoni. Ma jridux inkjesta fuq il-Power Station għax hemm rapport tal-FIAU li qed jimplika lill-Konrad Mizzi. Ma jridux jitkellmu fuq in-Nexia BT, il-ħbieb tal-Prim Ministru, tal-Ministru Konrad Mizzi u ta' Keith Schembri, li fetħulhom kont il-Panama," sostna Fenech Adami.
Beppe, semma l-inkjesti u taf x'ma semmiex? L-inkjesta tal-Capital One
Glenn Bedingfield
Intant id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield irribatta billi qal li l-PM Muscat fetaħ inkjesta meta saret akkuża kontrieh u mhu vera xejn li, ġera jew beżà. Fakkar, kif għamlu Deputati tal-Gvern qablu, illi wieħed mill-aħħar persuni li saru allegazzjonijiet minn DCG fuqu huwa l-Kap tal-PN Adrian Delia.
Fil-fatt, Caruana Galizia kienet akkużat lil Delia illi kellu kont f'Jersey u li minnu, allegatament, għaddew flus li kienu ġejjin mill-qliegħ ta' prostituzzjoni, li allegatament kienet qed issir f'Soho.
"Beppe, semma l-inkjesti u taf x'ma semmiex? L-inkjesta tal-Capital One," qal Bedingfield għall-għajjat u diżaprovazzjoni minn naħa għall-oħra.
Bedingfield fakkar illi dwar Delia, Caruana Galizia, kienet allegat illi huwa mdawwar bil-kriminali, qaħħaba u persuni li jaħslu l-flus.
"Jien se nivvota favur il-mozzjoni għax m'għandix x'naħbi," sostna l-Kap tal-PN Adrian Delia minn naħa tiegħu. "Jekk tridu li nkun investigat, ivvutaw favur il-mozzjoni," sostna Delia għall-approvazzjoni tad-Deputati tal-PN. Huwa qal li din kienet opprtunità biex imbagħad ikunu tliet IImħallfin li jiddeċiedu jekk l-allegazzjonijiet ta' DCG kienux veri jew le.
Intant id-dibattitu, ħafna mill-ħin imqanqal ħafna, kien immarkat fost l-oħrajn b'Edwin Vassallo jgħid li dak li qed għid il-Gvern huwa kollu 'bull**it'
Il-mozzjoni m'għaddietx bil-Membri tal-Gvern jivvutaw favur il-mozzjoni kif emendata minn naħa tal-Gvern stess.