Il-vetturi jistgħu jibdew jużaw ir-‘roundabout’ il-ġdida tal-Kappara biex imorru bejn il-Gżira u San Ġwann.
Il-konnessjoni bejn iż-żewġ lokalitajiet, li kienet inqagħtet malli beda l-proġett tal-Kappara xhur ilu, reġgħet daħlet fis-seħħ.
Il-ħaddiema lestew ix-xogħol tal-asfaltar madwar ir-‘roundabout’ u żebgħu l-linji fit-triq, biex jippermettu lill-vetturi jgħaddu mir-‘roundabout’ u miż-żewġ pontijiet mingħajr xkiel.
Is-sewwieqa issa jistgħu jużaw il-biċċa l-kbira tal-proġett kif kien ippjanat billi jużaw il-pontijiet biex imorru bejn iż-żona ta’ Paceville u l-Belt Valletta direttament, mingħajr ma jkunu mxekkla mit-traffiku li qed jaqsam bejn San Ġwann u l-Gżira kif kien jiġri qabel il-proġett.
‘Slip road’ waħda se tibqa’ inaċċessibbli għalissa u l-‘islip road’ bejn San Ġwann u San Ġiljan se tibqa’ magħluqa sakemm il-ħajt tad-djar fil-viċin jitlesta, matul il-ġranet li ġejjin.
Transport Malta tħeġġeġ lis-sewwieqa biex isuqu bil-galbu minħabba li l-ħaddiema se jibqgħu jinstallaw għamara tat-triq u sinjali fiż-żona.