Editorjal | Kaċċa fil-Park: Kif tiżbilanċja bilanċ

Kif konna kellna bilanċ. Kif konna kulħadd kien irrispettat. Kif ġejna, dak il-bilanċ inkiser. Prosit Sur Ministru tal-Ambjent!

Fil-Parlament Farrugia kienet qalet li bejnha u l-PN xi kultant ikun hemm ftit 'trikki trakki' |  Karikatura ta' Mikiel Galea
Fil-Parlament Farrugia kienet qalet li bejnha u l-PN xi kultant ikun hemm ftit 'trikki trakki' | Karikatura ta' Mikiel Galea

Ħafna donnhom jaċċettaw, bi sfortuna jkollna ngħidu, li l-politika aktar milli sservi, aktar tisserva. Ħafna donnhon aċċettaw, bi sfortuna akbar, li llum il-politiċi huma kollha l-istess u li dak kollu li jagħmlu, jagħmluh għall-voti.

U sfortunatament,  il-ġimgħa l-oħra dan il-ħsieb reġa’ ġie rinforzat hekk kif rajna Parlament sħiħ, għajr żewġ deputati, li waqgħu f’saqajn xulxin biex jidhru sbieħ ma’ sezzjoni ta’ nies, li lanqas biss kienu qed jitolbu li jispiċċaw f’nofs din il-kwistjoni.

Qed nirreferu għall-kwistjoni tat-tielet estensjoni fil-ħinijiet tal-kaċċa fil-Park tal-Majjistral. Il-fatt illi qed nitkellmu dwar kaċċa f’żona protetta, ta’ wirt ambjentali li għandha tkun aċċessibbli l-ħin kollu diġà hija surreali minnha nnifisha. Li l-Gvern żied il-ħinijiet tal-kaċċa fl-istaġun tal-ħarifa f’din iż-żona għal iktar mill-10am hija deċiżjoni li mhi mnebbħa mill-ebda forma ta’ għaqal u minn l-ebda forma ta’ rieda għall-bilanċ. Hija mnebbħa biss mill-voti.

Għaliex? Għax meta din iż-żona, fost l-isbaħ, fost l-iktar rikka u fost l-inqas mibnija, saret Park Nazzjonali kien iddikjarat li f’din iż-żona ma tistax issir kaċċa. Xejn. Żero. Naturalment, għalkemm wieħed jifhem l-għan ta’ miżura bħal din, għal darb’oħra Gvern Nazzjonalista dak iż-żmien, minflok fittex il-bilanċ mar għall-estrem u ffaċċja kritika qawwija mill-kaċċaturi. Allura ġiet permessa l-kaċċa sad-disgħa ta’ filgħodu. Din reġgħet ġiet estiża, imbagħad sal-10am. Jiġifieri qabel biss bdejna din id-diskussjoni, il-Gvern kien diġà ċeda żewġ biċċiet, mix-xejn għal kaċċa sal-10am.

Ħadd ma kien qed jipprotesta, għallinqas daqstant pubblikament u b’mod voċiferu, kontra kaċċa sal-10am biss. Ħadd ma kien qed jikkampanja għal kaċċa iktar minn hekk. Ħadd ma kien qed jilmenta dwar diskriminazzjoni jew drittijiet. Ħadd ma kien qed jitlob biex il-ħinijiet tal-kaċċa f’park nazzjonali jiżdiedu (jew jitnaqqsu)

Ħadd ma kien qed jipprotesta, għallinqas daqstant pubblikament u b’mod voċiferu, kontra kaċċa sal-10am biss. Ħadd ma kien qed jikkampanja għal kaċċa iktar minn hekk. Ħadd ma kien qed jilmenta dwar diskriminazzjoni jew drittijiet. Ħadd ma kien qed jitlob biex il-ħinijiet tal-kaċċa f’park nazzjonali jiżdiedu (jew jitnaqqsu). Ma saret ebda diskussjoni jew konsultazzjoni pubblika dwar art li fl-aħħar mill-aħħar hija tal-pubbliku, ta’ kulħadd.

Mela allura jista’ xi ħadd jgħidilna għalfejn il-Gvern iddeċieda li jerġa’ jżid il-ħinijiet tal-kaċċa? Jista’ xi ħadd jgħidilna għalfejn bilanċ perfett li ħadd ma kien qed jilmenta dwaru jew li ma kien qed idejjaq lil ħadd, żbilanċjajnieh? Għalfejn, jekk mhux għall-voti?

Din mhix kwistjoni ta’ tolleranza. Li nittoleraw ma jfissrix li noqogħdu għal kollox. Li tittollera ma jfissirx li tkisser bilanċ perfett, biex toħloq raġuni politika għalfejn grupp ta’ nies għandhom jibqgħu jivvutawlek. Il-poplu kien iddeċieda, anke jekk b’maġġoranza ċkejkna ħafna, favur il-kaċċaturi. Dakinhar dik il-maġġoranza żgħira kienet tat lill-kaċċaturi l-jedd li jibqgħu jikkaċċjaw fir-rebbiegħa. Ma kinitx tat lill-Gvern, la dan u l-ebda Gvern ieħor wara dan, il-jedd li juża l-ftit art prezzjuża ta’ artna biex jagħmel biha li jrid. Ma kinitx tat lanqas il-jedd li fejn hemm bilanċ perfett, tkissru biex togħġob lil xi wħud.

Kif konna kellna bilanċ. Kif konna kulħadd kien irrispettat. Kif ġejna, dak il-bilanċ inkiser. Prosit Sur Ministru tal-Ambjent!

L-uniċi żewġ Deputati li kellhom raġun fuq din il-kwistjoni kienu dawk tal-PD, Godfrey u Marlene Farrugia. U għax nemmnu (verament mhux biex nilagħbu għall-gallarija) li meta tikkritika għandek tindirizza l-messaġġ, mhux il-messaġġier, nemmnu wkoll li hawnhekk dawn iż-żewġ Deputati kellhom messaġġ li jagħmel sens

Il-PN, naturalment, mar jiġri biex jidher ifuħ ukoll u talab li tinfetaħ konsultazzjoni dwar prattika li issa diġà qiegħda fis-seħħ. F’kelma waħda illapazza għax la ried ifuħ u lanqas jinten u ma riedx jidher li qed ‘ipaxxi’ lil Marlene Farrugia sigħat wara li nqata’ għalkollox mill-Partit li kienet tmexxi. X’ħasra li l-PN kellu ċans tad-deheb biex hawn ukoll ikun ta’ appoġġ għall-wirt naturali tagħna u l-eluf ta’ Maltin li jemmnu fil-protezzjoni tiegħu u minflok lagħab il-karta politika partiġġjana, x’faqar!

L-uniċi żewġ Deputati li kellhom raġun fuq din il-kwistjoni kienu dawk tal-PD, Godfrey u Marlene Farrugia. U għax nemmnu (verament mhux biex nilagħbu għall-gallarija) li meta tikkritika għandek tindirizza l-messaġġ, mhux il-messaġġier, nemmnu wkoll li hawnhekk dawn iż-żewġ Deputati kellhom messaġġ li jagħmel sens.

Issa li suppost se jibda proċess ta’ konsultazzjoni, qed nittamaw li l-bilanċ li kisser il-Gvern bl-għajnuna tal-Oppożizzjoni, jirranġah il-poplu! 

More in Politika