Trid rendikont tad-donazzjonijiet lill-partiti għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-opinjoni li jkollha l-informazzjoni tal-fondi mhux Ewropej li l-partiti politiċi jakkwistaw għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew 

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri hija tal-fehma li jeħtieġ li ssir eżaminazzjoni tal-fondi li l-partiti politiċi jġibu, minn sorsi oħra li mhux il-baġit tal-Unjoni Ewropea u li jintużaw għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Fil-preżent, fondi li l-partiti politiċi jirċievu minn sorsi oħra li mhux dawk Ewropej, mhumiex suġġett għall-awditjar tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, għaldaqstant minħabba l-interattività bejn il-fondi Ewropej u fondi minn sorsi oħra, din il-Qorti qed issostni li jista’ jkun hemm il-ħtieġa li jeżaminaw fondi minn sorsi oħra fl-awditjar li tagħmel.

Jekk din il-proposta tintlaqa' għadu mhux magħruf iżda kif din l-informazzjoni se tasal għand il-Qorti Ewropea tal-Awdituri; jekk hux mill-MEPs individwali, mill-Kummissjoni Elettorali tal-pajjiżi rispettivi jew inkella mill-Uffiċċji rappreżentattivi tal-Parlament Ewropew fil-pajjiżi rispettivi.

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri waslet għal din l-opinjoni, li ppubblikat fil-jiem li għaddew, hekk kif fl-20 ta’ Ottubru tal-2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew adottaw regolamenti ġodda dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi rappreżentati fil-Parlament Ewropew, dwar il-kundizzjonijiet għall-finanzjament tagħhom, l-aġġudikazzjoni u t-tqassim tal-fondi, donazzjonijiet u kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-kampanji elettorali għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Dawn kienu daħlu fis-seħħ aktar kmieni din is-sena fis-16 ta’ Jannar u l-Kummissjoni Ewropea kienet ressqet proposti ġodda fit-13 ta’ Settembru li għadda. Il-proposti tal-Kummissjoni huma parti mill-proposti l-oħra mressqa minn Frans Timmermans qabel l-elezzjonijiet li se jsiru fl-2019. It-test kien approvat mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tal-Parlament Ewropew ix-xahar li għadda.

Fl-opinjoni tagħha, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri qed issostni li r-regolamenti dwar donazzjonijiet għall-iffinanzjar tal-kampanji politiċi għandhom jissaħħu, wara numru ta’ skandli li ġew irrappurtati f’dawn l-aħħar sentejn.

Dawk li kienu ġew irrappurtati fil-midja kienu jikkonċernaw allegazzjonijiet ta’ frodi fuq fondi li rċevew xi MEPs, allegazzjonijiet oħra dwar fondi pubbliċi li ntefqu llegalment minn partiti li kienu kontra l-Unjoni Ewropea u kuntratti li ngħataw mingħajr trasparenza lil persuni wara li taw donazzjonijiet lill-partiti.

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri iżda qed tinnota li l-proposti kif imressqa mill-Kummissjoni mhux se jirregolaw id-donazzjonijiet diretti jew indiretti.

Fil-preżent it-‘threshold’ għall-kofinanzjament jitlob li l-partiti politiċi u fundazzjonijiet oħra fl-Unjoni Ewropea jridu jiġbru fi 15% f’fondi qabel ma jkun possibbli li jakkwistaw fondi Ewropew.

Il-Kummissjoni iżda qed tipproponi li t-‘threshold’ tonqos minn 15% għal 10% għall-partiti politiċi u sa 5% għall-fondazzjonijiet. Il-Qorti Ewropea qed taqbel ma’ dawn il-proposti sabiex jonqos ir-riskju li jkun hemm prattiċi mhux mixtieqa biex jinġabru fondi però huma wkoll tal-opinjoni li jiżdiedu s-sanzjonijiet f’każ ta’ illegalitajiet imwettqa mill-partiti politiċi.

Ġie propost li dawn ikunu severi u ma jkunx hemm limitu ta’ multi massimi. Fil-preżent dawn il-multi jammontaw għal 10% tal-baġit annwali tal-partit konċernat.

Għalkemm għandu ma bediex jiffunzjona, l-Uffiċċju Ewropew tal-Prosekuzzjoni Pubblika (EPPO) se jintalab jinvestiga allegat abbuż ta' fondi Ewropej mill-partiti politiċi. Ir-regoli l-ġodda kienu ġew approvati mill-Kumitat tal-Parlament Ewropew bi 19-il vot favur, tnejn kontra u żewġ astensjonijiet.

More in Politika