Hekk kif is-sena tasal fi tmiemha r-riħ mill-Majjistral hu mistenni jonfoħ is-Sibt u l-Ħadd, isir moderat matul iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ lejlet is-Sena l-Ġdida, u jaqleb ħafif għal moderat mill-Punent fl-ewwel jum tas-sena.
Minkejja li ħalbiet tax-xita huma mistennija s-Sibt 30 ta’ Diċembru, is-smewwiet għandhom jiċċaraw fil-ħin għal-lejlet l-Ewwel tas-Sena, bil-kundizzjonijiet tat-temp jibqgħu jitjiebu matul l-għodwa tal-1 ta’ Jannar bix-xemx titfaċċa għall-bqija tal-ġurnata.
It-temperaturi se jibqgħu jogħlew b’mod gradwali matul l-aħħar tmiem il-ġimgħa tas-sena; minn 16°Ċ tat-30 ta’ Diċembru għall-ogħla ta’ 18°Ċ fl-ewwel jum tal-2018; 2 gradi ogħla mill-medja tax-xahar għal dan iż-żmien tas-sena.
Dawk kollha ħerqana li jiċċelebraw il-wasla tas-sena l-ġdida fil-miftuħ m’għandhomx iħossu ħafna kesħa hekk kif l-aktar temperatura baxxa mbassra għal tmiem il-ġimgħa hi ta’ 10 gradi. L-aktar temperatura baxxa għall-1 ta’ Jannar mistennija tkun saħansitra ogħla; dik ta’ 13°Ċ. Ir-rekords meteoroloġiċi juru li l-2015 bdiet fuq l-aktar nota kiesħa s’issa, meta t-temperatura niżlet għal 2.1 C.