Analiżi 2017 | Il-pinna li għamlitha. Il-pinna li qatlitha

Minn Acapulco sal-Bidnija, minn Egrant għal Soho, mil-libertà tal-espressjoni għas-saltna tad-dritt... Daphne Caruana Galizia ddominat is-sena li tintemm illum...

Din kienet is-sena li mmarkat il-qtil ta' DCG, imma mmarkat ukoll sena ta' diskussjoni dwarha u dwar stejjer tagħha
Din kienet is-sena li mmarkat il-qtil ta' DCG, imma mmarkat ukoll sena ta' diskussjoni dwarha u dwar stejjer tagħha

Din is-sena kienet, mingħajr ebda dubju, is-sena ta’ Daphne Caruana Galizia. Kważi kull xahar dan il-pajjiż kien qed jiddiskuti lilha jew inkella storja li ppubblikat hi.

Fil-fatt meta wieħed iħares lura lejn l-2017 isib li b’kollox kien hemm erba’ kwistjonijiet jew avvenimenti li kienu direttament marbutin ma’ Caruana Galizia.

Dawn huma; l-allegazzjoni li l-Ministru Chris Cardona, waqt li kien fuq xogħol Ministerjali fil-Ġermanja, kien mar f’burdell (Acapulco). L-allegazzjoni li t-tielet kumpanija fil-Panama (Egrant), apparti dawk ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri, hija ta’ Michelle Muscat.

L-allegazzjoni illi l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, dak iż-żmien kandidat għall-kariga, kellu kont f’Jersey li ma kienx iddikjara u li minnu għaddew flus minn qligħ tal-prostituzzjoni. U fl-aħħar, l-assassinju tal-istess ġurnalista fil-bidu ta’ Ottubru. 

Daphne Caruana Galizia tibqa’ għal ħafna, persuna maħbuba u meqjusa bħala instrument tal-verità u kontra l-korruzzjoni u għal ħafna oħrajn, persuna li kienet tivvinta u tikkalunja fuq in-nies.

Fil-fatt, wieħed malajr jista’ jasal għall-konklużjoni li l-mewt tagħha ġabet l-istess estremitajiet f’termini ta’ reazzjoni li ġabu l-imwiet ta’ personaġġi politiċi kontroversjali. 

Il-fatt jibqa’ illi minkejja t-taħlita fl-emozzjonijiet li tqanqal Caruana Galizia, ħadd ma jista’ jinnega illi kienet persuna li wriet kif bil-kelma, bil-kitba (jew bil-gidba, jekk qed tħares minn dak l-angolu) ċaqalqet pajjiż. Kienet rilevanti. 

Fil-każ tal-allegazzjoni fil-konfront ta’ Chris Cardona u nies madwaru, lil hinn mill-awtentiċità tal-istess allegazzjoni, qajmet diskussjoni fil-pajjiż dwar x’inhu u x’mhux aċċettabbli li jsir minn persuna pubblika fil-ħajja privata tiegħu jew tagħha.

Ir-reazzjoni tal-istess Cardona għall-allegazzjoni ta’ Caruana Galizia qajmet iktar furur u diskussjoni hekk kif hu kien talab lill-Qorti tiffriża €47,460 mill-kont bankarju ta’ DCG, sakemm jinstemgħu l-erba’ każi ta’ libell li kien fetaħ fil-konfront tagħha.

Minn hawnhekk qamet diskussjoni dwar il-libertà tal-espressjoni, il-jedd li xi ħadd jiftaħ proċeduri li jistgħu jfaqqru lil ġurnalist u l-liġi tal-libell minnha nnifisha.

Fil-fatt, kienet din id-diskussjoni li ħolqot pressjoni biżżejjed biex jinbidlu l-liġijiet li jkopru l-midja u li jagħtu aktar protezzjoni lill-ġurnalisti. 

L-allegazzjoni ta’ Egrant mhux diskussjoni qajmet iżda ħolqot terremot. Naturalment, kif għidna diġà f’paġni 6 u 7, il-ġudizzju fuq kemm hi vera din l-allegazzjoni għad trid toħroġ.

Imma xorta jibqa’ fatt illi din l-allegazzjoni heżżet sew il-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat u tat spinta lill-PN li beda kampanja sħiħa bbażata fuq l-allegazzjoni li Michelle Muscat kienet qed tirċievi flus mill-Ażerbajġan f’allegat kont fil-Bank Pilatus.

 L-allegazzjoni ‘Egrant’ fil-fatt iffurmat il-mod u l-manjiera illi biha tħabbret l-elezzjoni ġenerali u l-aġenda taż-żewġ partiti. Ħolqot diskussjoni taħraq ħafna; mill-etika illi persuna pubblika jkollha kontijiet f’ġurisdizzjoni bħall-Panama, għall-allegazzjonijiet, dubji u mistoqsijiet fuq diversi kuntratti li saru mill-Gvern, fosthom tal-Power Station li taħdem bil-gass u l-kuntratt ma’ Vitals Global Healthcare għall-proġett tal-isptar ta’ Għawdex.

‘jekk min qatel jew ikkumissjona l-qtil ta’ DCG kellu l-għan li jagħmlilha sarima u jnessiha mill-memorja kollettiva, falla bil-kbir. Għax minflok qatilha, għamilha eroj’

L-istess l-allegazzjoni dwar Adrian Delia. Dawn biddlu l-kors tal-kampanja għall-Kap ġdid tal-PN. 

Fiż-żewġ każi r-riżultati ffavorixxew lil min kien qed ikun attakkat, ikkritikat jew min kien qed jitpoġġa taħt id-dawl tal-allegazzjoni. Iżda dan ma jfissrix li l-allegazzjonijiet fl-istejjer ta’ DCG ma kinux rilevanti u ma ħallewx effett.

Għax l-effett ta’ storja jew allegazzjoni ma titkejjilx biss min-numri imma wkoll mill-effetti fuq l-immaġini tal-istess politiku, l-impatt fuq il-pajjiż u aktar minn kollox l-impatt fuq il-forma mentis tal-pajjiż, il-mod kif il-poplu jaħsibha fuq persuna jew kwistjoni. 

Delia, iktar minn Muscat, għadu qed ibati sew biex ifarfar minn fuq spallejh l-immaġini, ta’ politiku ‘maħmuġ’ imdawwar b’nies ‘maħmuġin’, li kienet geżwritu fiha Caruana Galiza. Min-naħa l-oħra, il-ġudizzju dwar Egrant għadu qed jistenna. 

Il-qtil brutali ta’ din l-istess ġurnalista nhar is-16 ta’ Ottubru jibqa’ l-aktar każ li dwaru tkellmu n-nies matul din is-sena.

Il-qtil ikkawża xokk u mill-ġdid diskussjoni dwar il-libertà tal-espressjoni, il-ġurnaliżmu, il-limiti (jekk jeżistu jew għandhomx biss jeżistu) tal-istess ġurnaliżmu, l-istil fil-kitba u s-saltna tad-dritt f’pajjiżna. 

Il-qtil ta’ Caruana Galizia, minkejja li minnu nnifsu kien traġedja kerha, għolla l-istatus tagħha għal-livelli stratosferiċi, lil hinn minn dak kollu li kwalunkwe ġurnalist qatt jista’ jimmaġina.

Minn sala tal-konferenzi fi Brussell li se tissemma għaliha, għal ‘Persuna tas-Sena’ tal-gazzetta La Repubblica, għar-rebħ ta’ premju Holmes minn gazzetta Żvediża u minuta ta’ silenzju fil-Parlament Ewropew. Lokalment, il-qtil ta’ Caruana Galizia wassal għal diversi protesti u dimostrazzjonijiet, favur il-ġustizzja u favur sistema differenti ta’ kif ikunu maħturin uffiċjali pubbliċi f’pożizzjonijiet sensittivi bħall-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali.

Għall-ewwel darba, il-gazzetti kollha ngħaqdu f’għajta waħda; ‘il-Pinna tirbaħ lill-Biża’ u għall-ewwel darba wkoll l-erba’ partiti politiċi ngħaqdu flimkien fl-ewwel dimostrazzjoni organizzata mis-Civil Society Network. 

Meta wieħed iqis kemm fil-fatt Caruana Galizia kienet figura politika diviżiva, il-fatt li wara mewtha kien hawn għaqda fil-kundanna hija, minnha nnifisha l-akbar rebħa morali li qatt setgħet għamlet. 

Fil-fatt, jekk min qatel jew ikkummissjona l-qtil ta’ DCG kellu l-għan li jagħmlilha sarima u jnessiha mill-memorja kollettiva, falla bil-kbir. Għax minflok qatilha, għamilha eroj u dawl għal bosta għaqdiet, individwi u ġurnalisti. 

Din kienet bla dubju s-sena ta’ Daphne Caruana Galizia. 

(Aktar analiżi dwar dak li ġara fl-2017 fuq il-gazzetta ILLUM u fuq is-sit illum.com.mt fil-ġranet li ġejjin)

More in Politika