Analiżi 2017 | Sena waħda. Żewġ mexxejja. Fortuni differenti
L-2017 kienet ħelwa għal Muscat għax rebaħ, imma morra għax iffaċċja mewġ qalil. Ħelwa għal Busuttil għax għaqqad lill-PN taħt għajta waħda, imma morra għax tilef bil-kbir...
minn Albert Gauci Cunningham
Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat kellu sena impenjattiva ħafna, u kien fil-qofol ta’ diversi kontroversji, allegazzjonijiet u anke terremoti politiċi. Fil-verità ħafna minn dawn il-kwistjonijiet kellhom il-potenzjal li, politikament, jordmuh jew ituh damdima tajba.
Minkejja kollox iżda, u huwa dan li mmarka l-2017 bħala sena tajba ħafna għal Muscat, dan xorta mexxa lill-Partit Laburista għall-akbar rebħa li qatt akkwista dan il-partit, l-akbar rebħa għal kwalunkwe partit politiku lokali fl-istorja politika kontemporanja u r-raba’ rebħa Laburista b’distakk ta’ aktar minn 30,000 vot mill-2009 sal-lum.
Ir-rebħa Laburista ta’ din is-sena nkisbet minkejja li l-elezzjoni ssejħet fil-qofol ta’ terremot politiku kkawżat minn allegazzjoni li tolqot direttament lill-Prim Ministru u lil martu Michelle Muscat.
Tfaqqa’ l-maltempata ‘Egrant’... l-akbar ‘theddida’ għal Muscat
Kien nhar il-Ħamis 20 ta’ April illi fil-blogg tagħha Daphne Caruana Galizia ppubblikat artiklu illi fih tallega li t-tielet kumpanija fil-Panama, magħrufa bħala ‘Egrant’ kienet fil-fatt ta’ mart il-PM Michelle Muscat.
Kienet din l-aħbar wara sigħat ta’ stennija u xhur ta’ mistoqsijiet illi wasslet għal terremot politiku kbir. Mhux biss minħabba l-allegazzjoni nnifisha, imma iktar minn hekk minħabba l-allegazzjoni li minn kont fil-Bank Pilatus, allegatament ta’ Muscat, għaddew mal-$1 miljun mill-Ażerbajġan.
Din l-allegazzjoni wasslet għal kampanja koordinata mill-Partit Nazzjonalista għar-riżenja u passi kriminali kontra Muscat, martu u l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-PM Keith Schembri. Bdew telgħin streamers tal-PM u martu f’ċella u minn hemmhekk l-atmosfera politika lokali bdiet titqal sew.
Muscat ċaħad mill-ewwel u sejjaħ din l-allegazzjoni bħala ‘l-akbar gidba politika fl-istorja tal-pajjiż.’
‘Ir-rebħa Laburista ta’ din is-sena favur il-PL inkisbet minkejja li l-elezzjoni ssejħet fil-qofol ta’ terremot politiku kkawżat minn allegazzjoni li tolqot direttament lill-Prim Ministru u lil martu Michelle Muscat’
L-elezzjoni ġenerali kienet msejħa nhar l-1 ta’ Mejju, fid-dawl ta’ din l-allegazzjoni u fid-dawl ukoll ta’ inkjesta maġisterjali li talab li ssir l-istess Muscat għax dejjem sostna li m’għandux x’jaħbi.
Fil-fatt, minkejja kull proposta pre-elettorali, l-elezzjoni tal-2017 tibqa’ waħda li saret taħt l-isħaba ta’ Egrant, kif ukoll b’Muscat taħt l-attakk minħabba li Mizzi u Schembri kellhom kumpanija l-Panama (Hearnville Inc u Tillgate Inc).
Il-PN u bosta vuċijiet kritiċi tal-Gvern ta’ Muscat ikkritikawh għax quddiem dan kollu ma ġegħelx lill-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri jirreżenjaw. Kritika li fir-realtà għadha ssir sal-lum.
Iżda apparti l-kwistjoni tal-governanza u l-gravità ta’ din l-allegazzjoni, l-elezzjoni ssejħet ukoll f’perjodu illi matulu Malta kompliet tikseb riżultati ekonomiċi tajbin ħafna, fost l-aqwa riżultati fl-Unjoni Ewropea.
Iċ-ċifri kienu jagħtu stampa ta’ ekonomija li qed toħloq ħafna xogħol, ta’ negozju li kien sejjer tajjeb, ta settur turistiku li qed jikser ir-rekords u settur b’saħħtu ħafna ta’ kostruzzjoni, kiri, bejgħ u xiri ta’ proprjetà. Kien ukoll u għadu jeżisti sentiment ottimist li l-ekonomija se tkompli tikber.
Jidher illi minkejja l-gravità tal-allegazzjonijiet fil-konfront tal-PM u martu, liema allegazzjonijiet għadhom bil-mannara tal-ġudizzju fuq rashom, il-maġġoranza tal-poplu; jew emmnet iktar lil Muscat li dik ta’ Caruana Galizia kienet gidba, jew inkella ħassew li l-fattur importanti għal fejn kellu jmur il-vot tagħhom huwa skont il-but u l-prospetti ekonomiċi, jew inkella waslu għall-konklużjoni li bejn iż-żewġ partiti l-PL kien bil-wisq aktar superjuri mill-PN. Ma’; dawn jingħaqdu wkoll dawk li kienu ilhom erba’ snin jgħidu li ‘mweġġgħin’ u li ‘l-PL nesihom’ u li fl-aħħar ġimgħat qabel l-elezzjoni kellhom l-ilmenti tagħhom indirizzati.
Ta’ min wieħed jinnota wkoll l-fattur li Muscat mexxa kampanja elettorali effettiva ħafna li tappella ħafna għall-emozzjoni. Waqt l-erba’ ġimgħat ta’ kampanja l-abbilitajiet ta’ oratrija tiegħu kienu fl-aqwa tagħhom kif kienu l-abbilitajiet tiegħu li jikkonvinċi. Ma’ dan wieħed irid jiftakar ukoll li Muscat kellu warajh kampanja estravaganti li kienet tidher li kellha ħafna iktar mezzi minn dik tal-PN.
Kien x’kien, ir-rebħa ta’ aktar minn 36,000 vot favur il-PL poġġiet lil Muscat fuq pedamenti b’saħħithom ħafna mal-elettorat u tagħtu status ta’ statista fuq il-livelli tal-eks PM Dom Mintoff ma’ ħafna Laburisti.
Minkejja l-mewġ li kompla u se jkompli jqum, se tkun iktar diffiċli issa li tkisser l-eġemonija li Muscat irnexxielu jibni madwar partit li meta sar mexxej tiegħu kien jissejjaħ ‘serial loser’ mill-PN.
Muscat bena madwaru forza ta’ negozjanti kbar u influwenti, nies mill-kostruzzjoni, persuni mill-midja, miljunarji, sidien u magħhom firxa wiesa’ ta’ ħaddiema, nies li jaqilugħha u jiekluha u persuni li jistennew il-manna mill-Gvern biex jissopravivu f’ekonomija ultra-kapitalista.
Muscat bħal donnu kapitalist prim, li b’xi mod irnexxielu jżomm u jirrinforza l-isfumaturi soċjalisti tal-partit u l-Gvern li jmexxi. Iċekċek it-tazzi mal-miljunarji u joħloq skemi ta’ bejgħ tal-passaporti għall-multi miljunarji, filwaqt li joħloq benefiċċji soċjali ġodda u jżid dawk eżistenti biex xorta jibqa’ meqjus bħala ‘soċjalist’ f’għajnejn biżżejjed nies, biex jibqa’ fil-Gvern.
Kellha tkun sena ħafna aħjar għal Simon...
Din kellha tkun sena ħafna aħjar milli fil-fatt kienet għal Simon Busuttil. Għalkemm kien ċar mill-istħarriġ li kien qed isir illi kienet se tkun diffiċli biex Busuttil jidħol Kastilja wara erba’ snin biss ta’ Gvern Laburista, kien hemm ukoll is-sensazzjoni li dan kien se jirnexxielu jnaqqas id-distakk bejn iż-żewġ partiti. Fil-fatt dan ma ġarax.
Busuttil, bħala Kap tal-PN, kellu diversi preġji. L-ewwel nett jibqa’ politiku illi s’issa m’għandu ebda allegazzjoni ta’ ħmieġ, korruzzjoni, tixħim jew ħabi mwaħħla ma’ ismu. Dan ifisser li Busuttil jibqa’, ironikament bħal Alfred Sant, meqjus bħala politiku ‘nadif’.
Preġju ieħor ta’ Busuttil kien illi dan għamel l-almu tiegħu biex ikun ir-risposta ta’ dawk l-eluf li darrsithom l-idea li Gvern Laburista kien tilef ħafna, jew perċeput li tilef ħafna, mir-ruħ soċjali tiegħu.
Busuttil għamel sforz serju biex iressaq lill-PN aktar lejn iċ-ċentru xellug u fil-fatt kien akkoljenti ħafna mal-għaqdiet mhux governattivi dwar kwistjonijiet bħall-kirjiet privati u l-paga minima. Sfortunatament dan l-isforz ma ħalliex il-frott mixtieq.
Busuttil kellu ħafna nies qed jaqblu miegħu fuq il-kwistjoni tal-governanza, ħafna iktar milli jaħseb u ħafna iktar milli l-PL jixtieq jammetti. Iżda għamel, jew seta’ għamel, għażla strateġika ħażina wkoll.
Busuttil għażel li jiftaħ il-kanuni kollha u jidher li qed jinvesti l-enerġija kollha fuq l-allegazzjoni ta’ Egrant, li dwarha, għallinqas sa meta ħeġġeġ lill-Pulizija, is-servizzi sigrieti u l-President ‘biex jagħmlu dak li għandhom jagħmlu’ u jneħħu lill-PM Muscat, kien għad hemm biss allegazzjoni.
Dan meta hu stess kellu f’idejh affarijiet/allegazzjonijiet li għalkemm kienu inqas spettakolari fin-natura tagħhom u jqajmu inqas furur, kienu ħafna iktar tanġibbli f’termini ta’ evidenza li tista’ twassal ximkien. Busuttil seta’ faċilment żamm tiegħu allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus fil-konfront ta’ Keith Schembri u Adrian Hillman, għax fi kliemu stess il-whistleblower mar għandu u għax kellu biżżejjed provi (għal darb’oħra fi kliemu stess) biex jimla diversi box files.
‘Busuttil kellu ħafna nies qed jaqblu miegħu fuq il-kwistjoni tal-governanza, ħafna iktar milli jaħseb u ħafna iktar milli l-PL jixtieq jammetti. Iżda għamel għażla strateġika ħażina wkoll’
Fl-istess ħin seta’ faċilment żamm ċertu distanza minn Egrant mingħajr ma jimpinġi xejn fuq il-ġlieda tiegħu favur governanza tajba. Sfortunamanet Egrant (kif ġara sal-elezzjoni u għadu jiġri sal-lum) għadha verità suġġettiva; kulħadd jemmen li jrid, skont dak li jaqbillu jew skont min jikkonvinċih l-aktar!
Naturalment ir-riżultat elettorali kien devastanti għall-PN u ħafna iktar għal Busuttil, politiku pjuttost ġdid li kellu kull ċans u kull raġuni għalfejn iqarreb liż-żewġ partiti lejn xulxin. U x-xitan irid li Busuttil sofra din it-telfa meta kien fl-aqwa tiegħu fost il-votanti Nazzjonalisti li damu ftit ma draw lilu u l-istil tiegħu.
Kien ukoll ġibed lejh u lejn il-PN numru ta’ persuni li kienu lesti jaħdmu mal-partit. Iżda din hija l-politika, ix-xorti taf tidħaqlek jew tbikik.
L-akbar għadu ta’ Simon Busuttil jibqa’ ż-żmien (u din għidtha u nibqa’ ngħidha f’kull analiżi li nikteb fuq din il-gazzetta li tagħha jien Editur, jew oltrè). Mexxa l-PN wara telfa ta’ 36,000 vot (2013), bi djun astronomiċi, b’ħafna mill-għeruq li jew kienu telquh jew kienu diżillużi ħafna u f’pajjiż fejn l-aptit għall-PN fil-Gvern kien kwazi ineżistenti.
Min-naħa l-oħra, kellu avversarju politikament stuż, popolari mal-Maltin u li favurih kellu r-riħ ta’ ekonomija sejra tajjeb.
Wara l-elezzjoni seta’ deher xi ftit indeċiż dwar jekk għandux jibqa’ jew jitlaq, sakemm iddeċieda li ma jibqax Kap tal-PN.
Il-fatt li deher attiv biex ma jkunx elett Adrian Delia bħala Kap tal-PN, għalkemm kien dritt demokratiku tiegħu, ma niżel tajjeb xejn ma’ numru ta’ Nazzjonalisti. (Fejn kien ikun il-PN illum kieku fil-fatt baqa’ Busuttil huwa suġġett ta’ analiżi separat)
Ibbażat biss fuq il-karattru u l-intenzjonjijiet tiegħu, Simon Busuttil suppost kellu sena bil-wisq aħjar milli kellu. Il-fatt li ma kellux hija taħlita ta’ diversi aspetti, uħud direttament marbutin miegħu, oħrajn lil hinn minnu.