2018 | Mill-V18 f’Malta għat-Tazza tad-Dinja fir-Russja u ż-Żwieġ Irjali fir-Renju Unit

Din se tkun sena mingħajr elezzjonijiet iżda b’ħafna avvenimenti kulturali u sportivi...x'avvenimenti se jimmarkaw l-2018?

Għat-tieni darba f’ħames snin, f’Malta mhux se jkun hawn elezzjonijiet u b’hekk il-poplu se jkun qed jieħu nifs minn dik li hija ‘electoral exhaustion’. Dan iżda ma jfissirx li s-sena li ġejja mhux se jkun fiha avvenimenti mistennija jew interessanti. L-ILLUM se tagħti ħarsa lejn l-avvenimenti lokali u internazzjonali li se jħallu marka fuq l-2018.

Matul 2018 se nieħdu nifs mill-elezzjonijiet

Is-sena 2018 se tkun waħda mingħajr elezzjonijiet f’Malta, dan wara r-referendum tal-kaċċa u l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u l-elezzjoni ġenerali din is-sena. Ta’ min jgħid li xorta waħda se tkun sena impenjattiva għall-partiti politiċi, dan għaliex se tintuża bħala tħejjija għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li se ssir flimkien ma’ dik tal-Kunsilli Lokali kollha fl-2019. Dan se jkun bla ebda dubju test importanti għall-partiti politiċi. Se jkunu importanti għall-Partit Laburista sabiex jara eżattament fejn qiegħed mal-elettorat u jekk żiedx fil-popolarità meta mqabbel mal-elezzjoni ġenerali, filwaqt li se jkunu importanti għall-Partit Nazzjonalista biex il-Kap il-ġdid Adrian Delia jeżamina jekk issaħħaħx fil-pożizzjoni tiegħu u jekk hux se jkun avversarju iebes għal Joseph Muscat, li f’Novembru tas-sena ta’ wara jaf ikun qed jieħu post Donald Tusk fil-Kunsill Ewropew.

Valletta 2018: L-avveniment ewlieni f’Malta għas-sena d-dieħla

Is-sena 2018 f’Malta se tibda bil-ftuħ tal-avveniment ewlieni li se jimmarka l-Belt bħala l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura. Dan se jibda b’festa nazzjonali bejn l-14 u l-21 ta’ Jannar u l-ftuħ uffiċjali tal-programm tal-attivitajiet fl-20 ta’ Jannar li ġej, meta dakinhar se terġa tinfetaħ mill-ġdid għall-pubbliku l-Pjazza Tritoni. Dan il-programm se jkun qed jinvolvi mal-140 proġett u mal-400 attività matul is-sena kollha 2018. Is-sena dieħla, aktar minn 1,000 artist minn kull qasam tal-arti se jkunu qed jipparteċipaw f’xi forma jew espressjoni artistika fil-Valletta 2018.

Artisti oħra Maltin se jkunu qed jieħdu sehem f’attivitajiet li se jittellgħu f’Leeuwarden fl-Olanda, li flimkien mal-Belt Valletta se tkun ukoll Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura. Il-Valletta 2018 se ssir b’investiment ta’ €10 miljun fis-settur kulturali. Hawnhekk ta’ min isemmi proġetti kapitali li saru fil-Belt Valletta apposta għal din is-sena, li jinkludu s-Suq tal-Belt u l-investimenti fi Strada Stretta.

Putin u Trump jaf ikunu daharhom mal-ħajt u l-aħħar Castro għal Kuba

Mix-xena internazzjonali, se nkunu qed nistennew bosta attivitajiet ta’ livell mondjali mhux biss politiċi imma sportivi wkoll. Wisq probabbli li l-aktar avvenimenti politiċi mistennija fl-2018 se jkunu l-elezzjoni Presidenzjali fir-Russja li se ssir fit-18 ta’ Marzu, biċ-ċans li Vladimir Putin jirbaħ ir-raba’ terminu tiegħu. Fix-xaqliba l-oħra tad-dinja, il-President tal-Istati Uniti Donald Trump se jkollu quddiemu l-ewwel għadma iebsa bl-elezzjonijiet tal-mezzu li se jsiru fis-6 ta’ Novembru.

Kemm għal Putin kif ukoll Trump se jkunu testijiet ferm importanti mal-elettorat li se jkunu qed jiġġudikaw il-mod kif qed imexxu l-pajjiżi rispettivi tagħhom. Opinjonisti huma tal-fehma li jidher li aktar Putin milli Trump għandu x’jitlef fl-elezzjoni. Ġurnata oħra importanti se tkun dik tal-24 ta’ Frar, meta wara 60 sena mhux se jkun hemm membru tal-familja Castro fit-tmexxija ta’ Kuba dan hekk kif se ssir l-elezzjonijiet Presidenzjali.

It-Tazza tad-Dinja mingħajr l-Azzurri

Il-kalendarju sportiv dinji għall-2018 se jibda fid-9 ta’ Frar bil-logħob Olimpiku tax-Xitwa li se jsiru fil-Korea ta’ Isfel. Fl-4 ta’ April fl-Awstralja imbagħad se jiġu organizzati l-logħob tal-Commonwealth, iżda l-aktar appuntament mistenni għall-isportivi se tkun it-Tazza tad-Dinja tal-futbol li se tibda fl-14 ta’ Ġunju fir-Russja u l-finali tintlagħab fil-15 ta’ Lulju. Mhux neċessarjament se jaħsbuha l-istess dawk li jappoġġjaw lit-tim nazzjonali Taljan tal-futbol, li mhux se jkunu qed jipparteċipaw hekk kif ma rnexxilhomx jikkwalifikaw.

Żwieġ irjali ieħor fir-Renju Unit

Avveniment wisq mistenni se jkun iż-żwieġ irjali fir-Renju Unit bejn il-Prinċep Harry u l-attriċi u attivista Amerikana Meghan Markle, li hija tlett snin aktar mill-Prinċep. Dawk li se jsegwu l-ħajja tal-aktar familja irjali famuża fid-dinja se jqabblu dan it-tieġ ma’ dak tal-Prinċep William u Kate Middleton, iżda peress li Harry mhux is-suċċessur immedjat għat-tron bħal ħuh mhux mistenni li se jkun żwieġ grandjuż. Dan iż-żwieġ se jsir fid-19 ta’ Mejju li ġej u ma naqasx mill-kontroversji hekk kif dakinhar mistennija l-logħba tal-finali tal-FA Cup, li tagħha huwa President il-Prinċep William, biċ-ċans li ma jkunx preżenti mill-bidu għaż-żwieġ ta’ ħuh jekk jagħżel li jippreżenta t-trofew lit-tim rebbieħ.

Id-data tal-24 ta’ Ġunju se tkun importanti għan-nisa fl-Arabja Sawdija hekk kif għall-ewwel darba uffiċjalment se jkun possibbli għan-nisa li jsuqu karozza. Dan kien l-uniku pajjiż fid-dinja li kellu din il-projbizzjoni, li se titneħħa fuq ordni tal-Prinċep suċċessur għat-tmexxija.

F’Settembru se naraw id-dħul tal-projbizzjoni tal-użu ta' smartphones fl-iskejjel primarji kollha fi Franza, filwaqt li 5 ta' Mejju, in-NASA se tibda studji ġeoloġiċi fuq il-pjaneta Marte permezz tal-missjoni spazjali Insight. L-2018 se tkun sena importanti għall-era spazjali hekk kif żewġ persuni se jkunu l-ewwel turisti spazjali li se jivjaġġaw fl-ispazju fuq ir-rokit Falcon Heavy.

… u għal min jibża’ mill-futur

Fil-finanzi jgħidu li l-passat mhux garanzija tal-futur u għalkemm l-istorja tirrepeti ruħha ħadd ma jista’ jgħid se jiġri biċ-ċert matul is-sena d-dieħla, iżda bħal dejjem ma jonqsux is-segwaċi ta’ Nostradamus jew Baba Vanga li jikkwotaw xi tbassira li dawn għamlu fil-passat għall-futur tagħna. L-aktar tnejn interessanti minn dawn huma li matul is-sena d-dieħla, iċ-Ċina hija mistennija li tkun l-ikbar superpotenza fid-dinja u b’hekk taqbeż lill-Istati Uniti.

L-ekonomija Ċiniża ilha tikber b’rata mgħaġġla għal dawn l-aħħar snin u laħqet tkabbir ekonomiku ta’ 15.6% fl-2015. Għalkemm għadha wara dik tal-Istati Uniti, l-ekonomija Amerikana hija mistennija li tonqos minn 16.7 għal 14.9 fl-2025.  Tbassira oħra interessanti hija li l-bnedmin se jsibu forma ġdida ta’ enerġija fil-pjaneta Venere.

More in Politika