Titressaq mozzjoni ta' sfiduċja fis-Sindku ta' San Pawl il-Baħar

Il-mozzjoni tiddeskrivi problemi fit-tmexxija tal-Kunsill Lokali li ilhom jiżviluppaw

Graziella Galea s-Sindku ta' San Pawl il-Baħar
Graziella Galea s-Sindku ta' San Pawl il-Baħar

L-ILLUM tinsab infurmata li l-kunsilliera tal-Partit Laburista f'San Pawl il-Baħar, flimkien ma' żewġ ekskunsillieri tal-Partit Nazzjonalista, ressqu mozzjoni ta' sfiduċja fis-Sindku Nazzjonalista tal-lokalità Graziella Galea.

Il-mozzjoni tagħmel referenza għal 'problemi fit-tmexxija tal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar', li ilhom jiżviluppaw u tgħid li 'llum is-sitwazzjoni tant iddeterjorat u ggravat' li kien inevitabbli li l-mozzjoni titressaq. Tgħid li s-Sindku mhix tgawdi l-appoġġ tal-maġġoranza tal-Kunsilliera fil-Kunsill u ssostni li l-Bord tal-Governanza sab lis-Sindku ħatja ta' ksur tar-regolamenti finanzjarji u proċeduri stabbiliti.

Il-mozzjoni mressqa tgħid li s-Sindku allegatament naqset milli tiżgura li fondi li rċieva l-Kunsill jiġu nvestiti fl-infrastruttura tal-lokalità.

Il-mozzjoni kif proposta mill-Kunsilliera Mandy Buhagiar
Il-mozzjoni kif proposta mill-Kunsilliera Mandy Buhagiar

Il-mozzjoni finalment tipproponi li l-għandu jkun il-Kunsillier Laburista Alfred Grima li jiġi elett Sindku flok Galea. Dan għaliex il-Partit Nazzjonalista tilef il-maġġoranza f'San Pawl il-Baħar wara sensiela ta' riżenji li seħħew f'Novembru li għadda.

Il-mozzjoni ġiet proposta mill-Kunsilliera Laburista Mandy Buhagiar u kienet sekondata mill-Kunsillieri Laburisti Alfred Grima, Stephen Cremona, Rodney Galea u Raymond Tabone.

Ġiet issekondata wkoll mill-Kunsilliera Indipendenti Joseph Vella u Robert Piscopo, li kienu ġew eletti f'isem il-Partit Nazzjonalista.

Sorsi qrib tal-Kunsill li tkellmu mal-ILLUM sostnew li jekk il-mozzjoni tmur għall-vot tgħaddi, hekk kif il-Kunsillier Laburista Paul Bugeja, li fil-preżent jinsab imsiefer, ukoll jinsab favur tal-mozzjoni. Mhux eskluż lanqas li xi ħadd mill-kunsillieri Nazzjonalisti jivvutaw biex Galea titneħħa.

F'Novembru li għadda, il-Kunsillieri Nazzjonalisti Joseph Vella u Robert Piscopo kienu rriżenjaw u baqgħu jokkupaw il-kariga bħala Kunsillieri Indipendenti filwaqt li l-Kunsillier Nazzjonalista David Thake kien irriżenja wara li stqarr li ma jistax jibqa' jirrapreżenta lill-PN b'Adrian Delia bħala Kap. Flok Thake kienet ġiet eletta Dounia Borg.

L-ILLUM kienet l-ewwel li rrappurtat fuq il-possibilità li Graziella Galea taffaċċja mozzjoni ta' sfiduċja kif ukoll dwar problemi fil-Kunsill b'riżenja mill-Partit Laburista.  

More in Politika