Aġġornata | Il-PN se jitlob lill-Awditur jinvestiga l-bejgħ ta' tliet sptarijiet minn Vitals
- L-Oppożizzjoni tistaqsi jekk dan sarx minħabba direttivi Eweropej li deħlin fis-seħħ
- Bejgħ kontroversjali mill-bidu, nkluż l-għażla ta' Rum Tumuluri bħala wieħed mid-Diretturi
- Il-PN jitlob lill-Gvern jieħu lura f'idejh t-tliet sptarijiet wara 'ksur tal-kuntratt'
minn Albert Gauci Cunningham
Dalgħodu l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tefgħet dubji serji fuq il-bejgħ ta' tliet sptarijiet Maltin, minn Vitals Global Healthcare għal kumpanija terza, Steward Healthcare System. Il-PN staqsa jekk dak li sar kienx fid-dawl ta' leġiżlazzjoni Ewropea li se tkun qed tiġi fis-seħħ u li tesiġi illi kull isem ta' kull sid benefiċċjarju ta' kumpanija jkun pubbliku.
Kien dan is-sit fil-fatt illi rrappurta l-ewwel kif l-UE qed tisħaq illi kull kumpanija u trust għandha tiddikjara min huwa s-sid benefiċċjarju tagħha u li dawn l-ismijiet għandhom ikunu mniżżlin f'lista miftuħa għall-iskrutinju tal-FIAU, fil-każ ta' Malta u ta' kull entità li xogħolha huwa li tgħasses kontra l-ħasil tal-flus.
Il-Viċi Kap tal-PN David Agius ippropona diskussjoni fil-Kumitat Parlamentari tas-Saħħa biex ikun diskuss dan il-ftehim minn naħa ta' Vitals Group. Huwa ħabbar illli l-Membri tal-Oppożizzjoni fil-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi se jkunu qed isejjħu għall-investigazzjoni mill-Awditur Ġenerali fil-bejgħ ta' dawn it-tliet sptarijiet.
"Din ma tistax titqies bħala tranżazzjoni finanzjarja, partikolarment fid-dawl tal-fatt illi l-kuntratt ma' VGH, meta kien ippublikat, partijiet minnu kienu ċċensurati. Issa sirna nafu li t-tagħmir inbiegħ għal ewro biss, xi ħaġa li l-Gvern ma nnegahiex u lanqas ċaħadha."
Hu kien qed jirreferi għall-artiklu li deher nhar il-Ħadd li għadda fuq il-gazzetta The Sunday Times illi fih kien irrappurtat li VGH Global Healthcare ma żammewx mal-miri u l-obbligi li kellhom, fosthom tal-bini tal-istess sptar illi kellu jkun lest din is-sena imma li fil-fatt ix-xogħol fuqu għadu bilkemm beda. L-istess gazzetta żvela kif it-tagħmir kien mibjugħ għal €1 biss.
Dan il-proġett kien fil-mira ta' ħafna kritika, mhux l-inqas minħabba n-nuqqas ta' esperjenza li din il-kumpanija kellha taħt isimha f'dak kollu li jirrigwarda l-qasam tas-saħħa. Kienet il-gazzetta ILLUM l-ewwel li żvelat kif Rum Tumuluri li kien qed jieħu ħsieb l-operat ta' VGH Global Healthcare f'pajjiżna ma kellu ebda esperjenza fil-qasam tas-saħħa u wisq inqas esperjenza ta' suċċess fin-negozju. L-istess gazzetta kienet żvelat illi l-uniku rekords taħt ismu kienu dawk relatati mal-kumpanija Ayurcare International li kienet ġiet xolta hekk kif ma kinitx konformi mal-liġi. Apparti dan, kienet żvelat il-gazzetta ILLUM nhar il-Ħadd 8 ta' Novembru 2015, Tumuluri kien ddikjara l-kumpanija T&V Hospitality, parti minn struttura li kienet qed tmexxi l-lukanda Nita lake Lodge fil-Kanada, falluta bil-konsegwenza li ma kienx baqa' Direttur Maniġerjali tal-istess Lukanda. Minkejja li l-fatti joħorġu ċari f'sempliċi riċerka onlajn, Tumuluri kien dejjem ċaħad li hu mexxa kumpanija li falliet u dejjem qal li huwa Direttur li se jara li l-affarijiet fil-proġett tal-isptarijiet jimxu kif suppost. Vitals kienu wieġbu lil gazzetta ILLUM imma qatt ma ċaħdu li fil-fatt Tumuluri kellu fis-'CV' tiegħu dawn iż-żewġ esperjenzi ta' negozju biss.
Riċerka li kienet għamlet il-gazzetta ILLUM kienet turi kif sussidjarja tal-kumpanija hija kumpanija rreġistrata fil-Karibew, proprju l-British Virgin Islands, gżejjer magħrufin għall-ħabi u l-evażjoni tat-taxxa.
Intant lura f'pajjiżna Agius staqsa kemm il-VGH ibbenefikat qabel ma telgħet minn pajjiżna u jekk il-Gvern issa hux se jaċċetta li jippublika l-kuntratt ma' VGH fl-intier tiegħu. Il-Gvern fil-fatt kien ippublika l-kuntratt iżda kien iċċensura partijiet minnu.
Il-Kelliem għas-Saħħa tal-PN Stephen Spiteri filwaqt li rrikonoxxa lil Steward Health Care sostna illi issa l-Gvern għandu raġuni biżżejjed buex jerġa jieħu l-isptarijiet taħt idejh, ladarba l-VGH ma żammewx ma' numru ta' miri u kundizzjonijiet fil-kuntratt
Il-Gvern jaċċetta t-talba u jfakkar illi Steward Healthcare għandha track record b'saħħtu
Il-Gvern jinnota t-talba tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista biex issir diskussjoni dwar il-ftehim milħuq bejn Vitals Global Healthcare u Steward Healthcare b’rabta mal-public-private partnership ta’ tliet sptarijiet Maltin. L-Oppożizzjoni talbet li dan isir fil-Kumitat Parlamentari tas-Saħħa.
Intant fi stqarrija l-Gvern sostna li jaqbel li ssir diskussjoni fil-Parlament dwar dan l-iżvilupp pożittiv, u qiegħed "saħansitra jipproponi li d-diskussjoni ssir fil-plenarja tal-Parlament sabiex tingħata l-importanza li jixirqilha. Il-Gvern jinsab sodisfatt li kumpanija bħalma hi Steward Healthcare bi track record eċċellenti fil-qasam tas-saħħa fl-Istati Uniti se tkun qed tmexxi l-isptarijiet ta’ Karin Grech, San Luqa u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Steward Healthcare tmexxi 36 sptar fl-Istati Uniti u timpjega 37,000 professjonist fil-qasam tas-saħħa."
Sadanitant il-Gvern fakkar lill-Vici Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius, illi fuq inizjattiva tal-Gvern stess, f’Diċembru ta’ sentejn ilu, il-kuntratti interi ffirmati bejn il-Gvern u VGH qegħdin diġà għall-iskrutinju mill-Awditur Ġenerali.