Il-PD jisħaq li hemm piż finanzjarju f'Monte Karmeli

Fi stqarrija l-PD jsostni li l-ħatra tal-Kap Eżekuttiv ġdid tindika li hemm sfida finanzjarja fl-isptar

Il-Partit Demokratiku fi stqarrija jsostni li l-ħatra ta’ Stephen Sultana bħala Kap Eżekuttiv fl-isptar Monte Karmeli tindika li l-amministrazzjoni tal-isptar għandha sfida finanzjarja u kontabbilità, hekk kif Sultana huwa professjonist fl-accounts kif ukoll eksbankier.

Il-PD jsostnu li l-ikbar sfida fil-kura tas-saħħa mentali hi li trid tiġi indirizzata fil-komunità, li skont l-istess partit il-Ministeru għas-Saħħa qatt ma saħħaħ b’mod konkret.

Il-PD jfakkar li jrid jinbena sptar ġdid mingħajr għajnuna ta’ fondi Ewropej u jiġu implimentati prattiċi tajba u pjan ta’ migrazzjoni minn sptar għall-ieħor.

L-istqarrija tkompli li l-isptar Monte Karmeli għandu mas-600 pazjent u oħrajn li jkunu mniżżla fil-kotba tal-isptar, li iżda jkunu bil-‘leave’, kif ukoll swali residenzjali ta’ xjuħ morda b’250 pazjent bi bżonn ta’ rijabilitazzjoni u mhux kura psikjatrika.

L-istqarrija żżid li fl-aħħar sentejn ġew ingaġġati ħaddiema li sehemhom mhux fil-kura b’piż finanzjarju.

Il-Partit Demokratiku jfakkar li kemm il-darba semma’ leħnu dwar il-kura tal-pazjenti bi problemi mentali tant li kien talab għar-riżenja tal-Kap Eżekuttiv preċedenti wara li kienu ġew żvelati nuqqasijiet f’Monte Karmeli.

More in Politika